Wara l-logħbiet internazzjonali tal-UEFA Nations League, bejn illum u għada tirritorna l-UEFA Champions League meta tintlagħab it-tielet ġurnata tal-Fażi tal-Gruppi, b’bosta logħbiet mill-aktar interessanti.
Waħda li tispikka hija dik minn Grupp C bejn Inter u Barcelona fejn iż-żewġ timijiet sofrew telfa kontra Bayern Munich u għaldaqstant xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom. Dan minħabba li għandhom tliet punti kull wieħed fit-tieni post tal- klassifika.
Filwaqt li n-Nerazzuri sofrew telfa ta’ 2-1 kontra Roma fil-kampjonat, il-Katalani kisbu rebħa barra minn darhom ta’ 1-0 fuq Mallorca.
Inter se jkollhom jgħaddu mingħajr Alex Cordaz u Marcelo Brozovic filwaqt li Barcelona ma jistgħux jinkludu lil Memphis Depay, Frenkie de Jong u Hector Bellerin minħabba li kollha jinsabu mweġġgħin.
Partita oħra li tiġbed l-attenzjoni hija dik ta’ Grupp A, bejn Ajax u Napoli.
L-Olandiżi jimmiraw li jwaqqfu s-sensiela pożittiva ta’ Napoli li għandhom punti massimi. Rebħa għat- Taljani tkun tfisser sieq waħda għar-round li jmiss filwaqt li l-Olandiżi jibqgħu bi tliet punti.
Il-Partenopei ma jistgħux jinkludu lil Gianluca Gaetano u Victor Osimhen filwaqt li Ajax għandhom lil Ahmetcan Kaplan u Jorge Sanchez li qed jirkupraw minn injury.
Liverpool jilqgħu lil Rangers u akkost ta’ kollox iridu jiksbu t-tliet punti għax inkella jieħdu skoss qawwi fit-tentattiv li jkomplu javvanzaw f’din il-kompetizzjoni.
Huma għandhom bosta players imweġġgħin, fosthom Alex Chamberlain, Andrew Robertson, Curtis Jones, u Caoimhin Kelleher.
Il-konfront minn Grupp E, Chelsea u Milan, ilaqqa’ team Ingliż u dak Taljan, fejn Chelsea jimmiraw li jiksbu t-tliet punti biex jinqalgħu mill-aħħar post tal- klassifika. Min-naħa tagħhom, ir-Rossoneri jridu jżommu l-ewwel post.
Iż-żewġ timijiet għandhom bosta players li qed jirkupraw minn injury – Simon Kjaer, Davide Calabria, Mike Magnan, Theo Hernandez, Zlatan Ibrahimovic, Alex Salemaekers u Alessandro Florenzi għal Milan u Jorginho, Marc Cuccurella, Edouard Mendy u Ngolo Kante għal Chelsea.
Minn Grupp G, Manchester City m’għandhomx ifallu kontra FC Copenhagen hekk kif bħalissa għaddejin mill-aqwa forma possibbli billi qed iwarbu l-isfida ta’ min qed jiġi quddiemhom.
Bla dubju l-moral huwa wieħed għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 6-3 fuq Manchester United.
Minn Grupp H, Juventus jibdew favoriti li jegħlbu lil Maccabi Haifa, filwaqt li jittamaw li Benfica u Paris St-Germain itemmu fi draw.
Dan minħabba li l-Bianconeri jinsabu mingħajr l-ebda punti filwaqt li ż-żewġ timijiet imsemmija għandhom sitt punti.
Jekk huma jonqsu milli jirbħu, il-Bianconeri jkunu viċin l-eliminazzjoni.