Saturday, December 21, 2024

Ilment ta’ Norman Lowell kontra s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg miċħud mill-Kummissarju tal-Istandards

Aqra wkoll

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika ma laqax ilment imressaq minn Norman Lowell u l-Partit Imperium Europa kontra s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg. Dan wara li Buttigieg kienet tellgħet kumment fuq il-midja soċjali dwar deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir.

L-Awtorità tax-Xandir kienet immultat lir-Radju RTK103 wara li kiser direttiva dwar rappreżentazzjoni wiesgħa ta’ opinjonijiet differenti b’rabta mal-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, meta eskluda lil Lowell minn programm. Is-Segretarju Parlamentari tenniet li d-dritt tal-espressjoni ħielsa għandu jiġi rispettat dejjem.

Iżda Buttigieg kienet qalet ukoll li “meta dan jintuża biex jimmina d-drittijiet fundamentali ta’ nies oħrajn u jxerred kliem ta’ mibegħda, hu r-responsabbiltà ta’ kulħadd li jassigura din in-narrattiva perikoluża ma tkomplix tinxtered.”

Min-naħa tiegħu Norman Lowell il-Kap tal-Imperium Europa kien ilmenta li dan il-kumment hu ta’ interpretazzjoni żbaljata u jiksru l-kodiċi ta’ etika tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, anke jekk dan seħħ fuq il-paġna tagħha personali.

Wara li rċieva l-każ quddiemu l-Kummissarju għall-Istandards, l-Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, kkonkluda li mhemmx bażi biex ikompli jinvestiga l-ilment.

Ekonomija

Sport