Friday, December 13, 2024

“Ilni nħobb iż-żwiemel minn meta kelli seba’ snin…. għalija huma prattikament ħajti”

Corinne Farrugia minn RMJ Horse Rescue - l-NGO li ssalva ‘il fuq minn 100 żiemel fis-sena

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-imħabba tagħha lejn iż-żwiemel bdiet minn meta kellha seba’ snin u llum il-ġurnata li għandha 29 sena, din l-imħabba kompliet tikber u titkattar tant li waslet biex toħloq NGO li tassew qed tagħmel tant ġid.

Corinne Farrugia llum tieħu ħsieb din l-NGO, bl-isem ta’ RMJ Rescue li tinsab fis-Siġġiewi, u li l-għan tagħha huwa li jkunu jistgħu jsalvaw dawk iż-żwiemel li jkollhom bżonn ħafna għajnuna u li jekk ma tingħatax sfortunatament il-futur tagħhom ikun biss il-mewt. 

Ilbieraħ RMJ Rescue fetħet il-bibien tagħha għall-pubbliku u bosta kienu dawk li approfittaw mit-temp xemxi, b’mod speċjali familji bit-tfal, biex iqattgħu ftit ħin maż-żwiemel t’hemmhekk u fl-istess ħin ikunu qed jgħinu lil din l-NGO. Uħud minn dawk li pparteċipaw f’din l-attività għax li ħassew li jagħmlu hekk mhux biss peress li sservi bħala ħarġa sabiħa flimkien mat-tfal tagħhom, u b’hekk fl-istess ħin ikunu qed irrawwmu fit-tfal tagħhom l-imħabba lejn l-annimali, iżda wkoll għax jemmnu tassew li din l-NGO qed tagħmel il-ġid.

Tkellimna ma’ Corinne fejn mill-ewwel spikka s-sens ta’ mħabba li għandha lejn iż-żwiemel. “Ilni nħobb iż-żwiemel minn meta kelli seba’ snin. Illum għandi 29 sena u għalija ż-żwiemel huma prattikament ħajti. Qas nista’ fil-verità niddeskrivi dan kollu imma minn dejjem kont inħobbhom minkejja li m’għandix familja dilettanti.”

Corinne spjegat li l-maġġoranza taż-żwiemel li jieħdu ħsieb ikunu dawk li spiċċaw mit-tiġrijiet, filwaqt li jsalvaw ukoll żwiemel li jisfaw abbandunati, fejn sfortunatament ikun hemm każijiet fejn dawn iż-żwiemel jitħallew imutu bil-ġuħ weħidhom.

Illum il-ġurnata din l-NGO kibret ferm u bħalissa qaltilna li hemm 87 żiemel fil-kura tagħhom u li jistgħu tassew isejħu dan il-post bħala d-dar tagħhom. Hawnhekk huma jingħataw il-kura li għandhom bżonn u meta jasal il-mument li jkunu lesti biex tinstabilhom dar, tibda l-ħidma biex tinstab dar adattata għalihom.

“L-għan tagħna huwa biex kemm jista’ jkun insalvaw kemm nistgħu żwiemel. Fil-fatt jekk nitkellmu fuq bħalissa, qed insalvaw ‘il fuq minn 100 fis-sena, bil-maġġoranza tagħhom nibgħatuhom l-Ingilterra.”

Corinne xtaqet tgħaddi appell importanti ħafna biex wieħed jaħsibha sew qabel ma jġib żiemel. “Li tieħu ħsieb żiemel jirrikjedi ħafna flus u ħafna nies jidħlu għaliha mingħajr ma jkunu jafu l-intrigu li fih. Għalhekk l-appell tiegħi huwa li wieħed jaħsibha sew qabel ma jġib wieħed.”

Bħala NGO huma jibbażaw fuq l-għajnuna finanzjarja tal-pubbliku kif ukoll tal-voluntiera. Iż-żwiemel jiswew ħafna flus biex jingħataw l-ikel apparti mill-fatt li ħafna mill-każijiet li jispiċċaw għandhom jeħtieġu check up regolari mill-veterinarju filwaqt li dejjem għaddejja l-ħidma biex itejbu l-istalel tagħhom biex jagħmlu spazju għal aktar żwiemel fil-bżonn. Dawn l-affarijiet kollha ma jkunux possibbli mingħajr il-ġenerożità tan-nies. Jekk tixtieq tgħin f’dan il-proġett, żur il-paġna tagħhom fuq Facebook ‘RMJ’s Horse Rescue’ jew idħol fuq is-sit https://www.rmjshorserescue.org/

Ekonomija

Sport