Friday, November 15, 2024

ILSIENNA JGĦAQQDNA BĦALA POPLU WIEĦED

Aqra wkoll

L-ilsien ta’ gżiritna huwa l-ogħla ingredjent li jagħtina identità bħala poplu u jagħmilna kburin li aħna ġens distint minn ġnus oħra. Għalkemm artna hi fost l-iżgħar pajjiżi ġeografikament, b’dankollu aħna poplu ffortunat li għandna lsien uniku li nazzjonijiet kbar m’għandhomx.

B’diqa iżda ninnotaw ta’ sikwit mumenti fejn l-ilsien Malti mhux talli mhux jingħata l-ġieħ li jistħoqqlu imma aktar agħar qed jingħata l-ġenb mhux biss bħala lingwa mitkellma imma wkoll miktuba. Dan ilna ngħiduh u se nkomplu nistqarruh għax l-ilsien Malti jixraqlu aħjar.

Quddiem dan kollu iżda, ma nistgħux ma nistaqsux kemm verament bħala poplu qegħdin tassew nindokraw ilsien art twelidna, u għalhekk, il-ġenerazzjoni li tielgħa ma tantx tidher li hi konxja tal-valur importanti li għandu f’ħajjitna lsien pajjiżna. X’jista’ jsir aktar biex uliedna jitrawmu sa minn età żgħira jagħrfu aktar l-importanza tal-ilsien Malti? X’jista’ jsir ukoll biex is-sistema edukattiva tistinka aktar fit-tisħiħ tal-ortografija tal-Malti. Mistoqsijiet bħal dawn tajjeb li jkun hemm tweġiba għalihom.

Qabelxejn ninsistu għal darb’oħra li bħala poplu għandna biex niftaħru li l-ilsien tagħna l-Maltin huwa l-uniku wieħed rikonoxxut bħala lsien Semitiku fost l-ilsna uffiċjali fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk inkunu ferm iktar kuntenti jekk ir-rappreżentanti Maltin kemm fil-Parlament Ewropew u kemm fl-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea jużaw il-Maltin f’diskorshom u kitbiethom.

Nemmnu wkoll li l-poplu għandu jingħaqad mal-President ta’ Malta Dr George Vella ħalli tingħata ħajja akbar lil-kampanja “L-Ilsien Malti għal Qalbi” li issa daħlet fit-tieni fażi tagħha, biex isir użu tajjeb tal-lingwa Maltija. B’rabta ma’ din l-inizjattiva tal-President, fl-aħħar jiem tnieda wkoll ktejjeb diġitali b’tagħrif dwar l-ilsien Malti u riżorsi utli għall-istudenti u l-ġenituri li jistgħu jgħinuhom fl-istudju tagħhom.

Huwa wkoll ta’ min ifaħħar li aktar tard dan ix-xahar se tittella’ konferenza dwar l-Ilsien Malti li se ġġib flimkien bosta minn dawk li għandhom poter deċiżjonali dwar kif u b’liema mod jintuża l-Malti. Naqblu perfettament ma’ inizjattivi bħal dawn li jkomplu jixprunaw aktar metodi ta’ kif nistgħu nħaddmu aħjar il-lingwa tagħna.

Aħna wkoll tal-fehma li kulħadd għandu jagħmel dak kollu li jista’ sabiex insalvaw dak li hu tagħna prinċipalment l-ilsien tagħna billi ngħarfu nitkellmuh u niktbuh tajjeb. Fuq kollox, l-ilsien nazzjonali tagħna huwa l-aqwa sors u għodda ta’ għaqda f’pajjiżna.

Ekonomija

Sport