Ilum qed infakkru Jum il-Missier u għalkemm ħafna jassoċċjaw din il-ġurnata ma’ ikliet, tgħanniq jew bews, oħrajn jgħixu dan il-jum f’mumenti ta’ solitudni u nostalġija.
Waħda mix-xeni ta’ qsim il-qalb li assistejna għaliha bħala Talk.mt aktar kmieni f’dan il-jum kienet fiċ-ċimiterji. Għalkemm hija xi ħaġa pjuttost komuni li l-ulied ipoġġu l-fjuri fuq l-oqbra ta’ missirijiethom, spikkaw tfal ċkejnin li l-unika mod kif setgħu jbusu lil missierhom kien fuq ir-ritratt ta’ fuq il-qabar.
Dan jikkonferma kemm dawk li għad għandhom ix-xorti li jistgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom ma tagħmilx sens li jgħidu frażijiet bħal ngħidu aħna “issa għada naraw” jew “imma għandi wisq xogħol” għax iż-żmien ma jistenna lil ħadd. Jalla kulħadd jagħraf japprezza lill-ġenituri f’kull mument fil-ħajja tagħhom u jara li ma jkun jonqoshom xejn speċjalment dawk f’etajiet avvanzati u li jkun imiss l-ulied biex jagħtu l-kontribut tagħhom biex dawn jibqgħu jgħixu l-ħajja dinjituża li jixirqilhom.
Lil hinn minn dan kollu, ħafna oħrajn qattgħu dan il-jum flimkien mal-għeżież tagħhom f’postijiet ta’ rilassament fosthom fuq diversi bajjiet madwar il-pajjiż.
Oħrajn jinsabu wkoll fuq ix-xwiek jistennew biex ikunu jistgħu jiċċelebraw dan il-jum għall-ewwel darba mis-sena d-dieħla fi stennija għal tarbija ġdida fil-familja.