“Illum beda t-twettiq ta’ ħolma sabiħa għal pajjiżna.” Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt it-tnedija ta’ konsultazzjoni pubblika b’rabta mal-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir. Din il-konsultazzjoni se tibqa’ miftuħa għal sitt ġimgħat.
Il-proġett kif propost se jkun maqsum f’erba’ fażijiet, bl-ewwel fażi se tkun qiegħda tiffoka fuq iż-żona tal-powerstation l-antika. Huwa mistenni li jsir xogħol ukoll fuq iż-żona magħrufa bħala t-Tinda tal-Patata fil-Marsa filwaqt li jinħolqu aktar spazji pubbliċi ta’ tgawdija għall-pubbliku, b’enfasi wkoll fuq is-sostenibilità.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru ddeskriva l-Port il-Kbir bħala “l-isbaħ port fil-Mediterran.” Huwa beda biex spjega kif l-interventi strutturali jew infrastrutturali marittimu li jeħtieġ li jsiru huwa fil-minimu. Dan ifisser li l-implimentazzjoni tal-istess proġett hi aktar faċilitata.
“Imma se noffru żona ġdida fejn l-investituri ta’ kwalità se nagħtuhom żona sħiħa fejn jistgħu jinvestu. Qed nara investiment dirett barrani ma’ dak lokali, sinerġiji li jistgħu jiżviluppaw flimkien biex noħolqu ġojjell ġdid f’pajjiżna,” qal il-Prim Ministru.
Semma wkoll ir-riġenerazzjoni tal-Menqa u ż-żoni tal-madwar biex dawn jingħataw ħajja ġdida. “Qabbadna l-aqwa ditta ta’ periti biex tagħmel masterplan kif nistgħu niżviluppaw bl-aħjar mod dawn is-siti,” qal Dr Abela.
Kompla jispjega li wara li tintemm il-konsultazzjoni pubblika, se tinfetaħ Pre-Market Consultation li tiffoka fuq l-ewwel fażi tal-proġett u eventwalment jgħaddu minnufih għall-implimentazzjoni tal-proġett.
“Dan huwa proġett nazzjonali, b’sinerġija bejn kulħadd. Dan huwa li jixraq lil pajjiżna. Li dejjem qed jibqa’ jtella’ ’l fuq il-prodott turistiku u jibqa’ jattira aktar investiment ta’ kwalità lejn pajjiżna,” tenna l-Prim Ministru.
Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli qalet li dak tal-lum huwa l-bidu ta’ konsultazzjoni pubblika, pass ieħor f’ħafna xogħol li diġà sar. Qalet li l-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) ħadmet ħafna fuq dan il-proġett u anke involviet lid-ditta rinomata Chapman Taylor sabiex din il-viżjoni titwettaq.
Il-Ministru Dalli qalet ukoll li “rridu nisimgħu dwar ix-xewqat tan-nies għal din iż-żona. Irridu nisimgħu l-vuċi ta’ min jopera diġà f’din iż-żona. Però issa tfajna ħarsitna lejn żoni li l-potenzjal tagħhom għadu mhux sfruttat biżejjed. In-naħa tal-Marsa b’mod partikolari, iżda mhux biss. Fejn hemm telqa u bini antik, il-ħolma tagħna hi li nibdluh f’destinazzjoni ta’ ħames stilel. Għalhekk irriduh post fejn in-nies iridu jmorru minn tarf sa tarf.”
“Irridu li l-Port tagħna joffri spazji pubbliċi, postijiet tax-xogħol sostenibbli, karrieri għaż-żgħażagħ postijiet fejn jgħixu n-nies u attrazzjonijiet soċjali u kulturali,” qalet il-Ministru.
Żiedet li l-privat se jkollu sehem importanti ħafna f’dan il-proġett. “Irridu l-investiment tal-privat, imbagħad dak l-investiment aħna nsostnuh bl-investiment li għaddej across the board biex pajjiżna jkollu infrastruttura aqwa.”
“L-għan hu li jkollna Port il-Kbir isbaħ, li jkun tieqa ta’ opportunitajiet għall-Maltin u l-Għawdxin. Qegħdin naħsbu fuq x’Malta rridu għal uliedna. Konvinta li kapaċi naslu u fuq dan il-proġett se naslu żgur,” temmet tgħid il-Ministru Dalli.
Fil-kummenti tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC Gino Cauchi qal li ż-żona ta’ ġewwa nett tal-port, li hi parti mill-Marsa, għandha rwol importanti fl-istorja ta’ pajjiżna f’diversi epoki. Qal li “dan il-pjan li ħsibna għalih hu li dan iż-żona tant importanti tal-port li għandha potenzjal għall-pajjiż kollu sabiex nerġgħu nirritornawha għat-tgawdija tal-pubbliku inġenerali.”
Tenna li dan irid ikun proġett tal-poplu kollu, bil-ħsieb ikun li jkun hemm kunċett li jiġdbu lin-nies lejhom. “Qed nistennew li l-pubbliku jara sew dak li qed jiġi propost u jgħidulna l-fehmiet tagħhom biex finalment dan ikun il-proġett tal-poplu kollu,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC.

