Wednesday, July 24, 2024

Imħabbar pjan ta’ azzjoni fl-Isptar Mater Dei

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar investiment ieħor fis-settur tas-saħħa fejn se jkun qed jiġi implimentat pjan ta’ azzjoni fl-Isptar Mater Dei. 

Il-Ministru Abela qal li f’dawn l-aħħar xhur kienet għaddejja ħidma ffukata biex jiġu indirizzati tliet prijoritajiet fl-Isptar Mater Dei. Wara li tħabbret riforma fis-saħħa mentali u l-masterplan għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, illum qed jitħabbar il-pjan t’azzjoni li ser iwassal għal numru ta’ tibdiliet fl-Isptar Mater Dei. 

Huwa spjega li dan il-pjan se jkun maqsum fi tliet partijiet – it-trattament ta’ kundizzjonijiet urġenti u l-espansjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza, żieda fin-numru ta’ sodod u espansjoni tal-qasam tal-kura intensiva (ITU). Il-Ministru saħaq li dan il-pjan jeħtieġ koordinament sħiħ u li kull aspett se jkollu fażijiet li se jiġu implimentati fl-immedjat u oħrajn fuq medda ta’ snin. 

Il-Ministru ħabbar ukoll li daqt se jiġi varat servizz ta’ call centre li se jkollu s-sehem tal-Kura Primarja u d-Dipartiment tal-Emerġenza, li permezz ta’ professjonisti sspeċjalizzati u l-parteċipazzjoni tas-settur privat, għandu jwassal għal kura aktar effiċjenti u f’waqtha. 

“Għalina importanti wkoll li jkun hemm konnessjoni bejn Mater Dei u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Għalhekk qed naraw biex tkun qed tiġi mibnija Helipad fl-Isptar ta’ Għawdex u li terġa tidħol fis-seħħ l-użu tal-Helipad biswit Mater Dei. Filwaqt li l-pjan fit-tul għad-Dipartiment tal-Emerġenza huwa li jespandi minn 35 għal 70 cubicle, b’investiment ta’ ’l fuq minn €17-il miljun,” sostna l-Ministru Abela.

Il-Ministru Abela kompla li minħabba d-daqs limitat ta’ Mater Dei, huwa essenzjali li fejn hu possibbli, servizzi bħall-outpatients u d-day surgery, għandhom eventwalment jiġu rilokati fiċ-Ċentru Censu Moran u l-Campus ta’ San Luqa. B’din ir-rilokazzjoni ta’ servizzi huwa stmat li jiżdiedu mas-sitt mitt sodda disponibbli għall-pazjenti. 

Il-Ministru temm billi emfasizza l-importanza li għandha s-sezzjoni tal-ITU u ħabbar li se jsir investiment ta’ €7 miljun biex dan l-ispazju jikber b’40%. “Il-viżjoni tal-Gvern hi waħda ħolisitka u li ġiet diskussa mal-impjegati. Kommessi li nkomplu nsaħħu s-servizzi t’eċċellenza li jingħataw”, temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.

Ekonomija

Sport