Wednesday, July 24, 2024

KUMMERĊ ĦIELES

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Suppost li l-globalizzazzjoni xerrdet mad-dinja kollha l-vanġelu tal-kummerċ ħieles. F’ismu, tneħħew ħafna tarriffi tad-dwana u beda jitneħħa wkoll ħafna xkiel ieħor li kien iservi biex joħnoq il-kummerċ internazzjonali.

Fl-aħħar żminijiet dal-proċess jidher li qed imajna u talanqas għal żewġ raġunijiet.

Minn naħa, l-esperjenza tal-pandemija Covid u aktar riċenti dik ta’ gwerra fl-Ewropa daħħlu għarfien tal-ħtieġa li fuq bażi reġjonali għandha tinżamm sigurtà dwar il-provista ta’ materji primi u ċerti prodotti essenzjali. Dan ifisser li jridu jiddaħħlu miżuri ta’ protezzjoni madwarhom biex ikunu jistgħu jinħadmu f’reġjun u mhux jinġabu minn barra.

Fuq front ieħor, bl-iżvilupp ta’ politika għall-ħarsien kontra t-tisħin tal-klima u taħsir ambjentali ieħor, il-kummerċ qed jiġi mgħobbi b’piżijiet fuq prodotti li ma josservawx ċerti kundizzjonijiet ambjentali. Dan qed iservi biex inaqqas sew ir-rankatura tal-kummerċ “ħieles”.

Lanqas irridu ninsew kif bħala riżultat tal-gwerra fl-Ukrajna iddaħħlu miżuri ta’ bojkott sħiħ fuq ċerti oqsma ta’ negozju, ħaġa li hi wkoll tkompli tmur kontra l-prinċipju tal-kummerċ ħieles.

KALKOLI ŻBALJATI

Wieħed mill-metodi kif issegwi l-istorja ta’ soċjetà, ta’ negozju u anke ta’ gvern hu billi tqis x’kienu l-intenzjonijiet tal-gruppi fit-tmexxija, xi strateġiji faqqsu biex jilħquhom u mbagħad x’suċċess kisbu f’dil-ħidma. Hi ħaġa ċara li biex tifhem l-aspetti differenti trid tasal għal konklużjonijiet korretti dwar il-veri intenzjonijiet tal-atturi involuti. Għax ta’ spiss jiġri li dak li jiġi mistqarr fuq barra ma jkunx dak li tassew qed jiġi mmirat għalih.

Id-deċiżjonijiet li jittieħdu jissejsu fuq kalkoli dwar x’se jkun l-effett tagħhom – kalkoli li jiddependu wkoll minn stima taċ-ċirkostanzi li fihom qed tiżviluppa l-ġrajja. Studju interessanti f’dar-rigward ma jkunx dwar l-inċidenza ta’ kalkoli korretti li jittieħdu imma ta’ dawk żbaljati.

META TIXTRI BL-IRĦIS

Il-Ġermaniżi qed jintebħu (forsi ftit tard) kemm parti pjuttost sostanzjali tas-suċċess ekonomiku tagħhom kien jiddependi mix-xiri bl-irħis. L-ewwel li ħassew dil-ħaġa kien meta kellhom jaraw kif se jwaqqfu l-importazzjoni ta’ gass mir-Russja wara li din invadiet lil-Ukrajna u ġie deċiż li jiddaħħal embargo fuq l-esportazzjonijiet Russi.

Il-Ġermanja kellha taffaċċja l-problema mhux biss ta’ minn fejn se ġġib il-gass meħtieġ għall-industriji tagħha imma wkoll ta’ kif se tilqa’ għall-prezzijiet ogħla li se jkollha tħallas għalih.

Issa tqajmet problema simili bl-isforzi li qed isiru mill-Amerikani u oħrajn biex idaħħlu protezzjoni kontra l-karozzi esportati miċ-Ċina; anke biex din titwaqqaf għal kollox. Jirriżulta li l-industrija tal-karozzi Ġermaniża għandha ħafna x’titlef minn hekk għax tinsab imdaħħla f’bosta impjanti Ċiniżi fejn qed jipproduċu karozzi skont mudelli Ġermaniżi.

Ekonomija

Sport