Wednesday, December 25, 2024

Imħabbar pjan ta’ riġenerazzjoni ta’ €900 miljun

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn hawn u ftit minuti oħra se jkun qed jitħabbar il-pjan ta’ riġenerazzjoni “multi-miljunarju”. Il-Prim Ministru Robert Abela għamel referenza għal dan f’intervista li kellu lbieraħ fejn qal li se jiġi mniedi pakkett ieħor ta’ inċentivi finazjarji, l-aktar wieħed b’saħħtu, biex in-negozji tagħna jkomplu jinċentivaw u jsaħħu ruħhom.

Wara l-għajnuna bla preċedent li l-gvern kien ta fl-aħħar ġimgħat biex ma jintilfux l-impjiegi f’pajjiżna, xi ħaġa li rnexxiet minħabba li hu kkalkulat li kienu biss 1,600 ħaddiem Malti li spiċċaw bla xogħol, fl-aħħar ħin il-gvern ħabbar għajnuniet oħra bla preċedent. Din id-darba dawn l-għajnuniet huma intiżi biex jippreservaw l-ekonomija kif inhi u li huma mmirati  u mfasslin għaċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom bħalissa. Din hi għajnuna oħra bla preċedent li se tiswa lill-pajjiż €900 miljun. Dan huma flus li kollha kemm huma se joħroġhom il-Gvern Malti.

Il-mira prinċipali ta’ dawn il-miżuri  tibqa’ li jissalvagwardjaw l-impjiegi u li l-ekonomika tibqa’ miexja ‘l quddiem billi jinħoloq ‘feel good factor’.

Il-Prim Ministru Robert Abela, iddikjara bla tlaqliq li: “waqt li qed nagħtu lura l-fiduċja lin-negozji, issa qed nagħtu l-kwalità tal-ħajja lin-nies. Ġejna lura għan-normalità b’differenzi żgħar. Fil-ġimgħat li ġejjin, nemmen li nkunu lura fin-normalità sħiħa.”

Il-Prim Ministru enfasizza li “dan hu baġit ambizzjuż. Kellna żewġ għażliet li jew inħallu l-kulħadd jistabbilizza ruħu jew nagħtu injezzjoni. L-intenzjoni tal-miżuri hu li naħarbu niġru.”

Il-ħtieġa għaliex kien hemm bżonn dawn il-miżuri addizzjonali

F’dak li għandu x’jaqsam mal-imxija tal-pandemija, in-numri issa niżlu sostanzjalment u l-ħsieb hu li tissaħħaħ l-ekonomija. Dan minħabba li l-ekonomija ntlaqtet b’nuqqas ta’ domanda minn barra minn Malta u għalhekk kien hemm bżonn ta’ mbuttatura.

Il-Ministru għall-Finanzi, il-Prim Ministru u l-Ministru għall-Ekonomija jħabbru l-pjan ta’ riġenerazzjoni

Il-miżuri jinkludu tliet oqsma differenti

L-ewwel qasam ta’ dawn il-miżuri hu ta’ kif se jiġu megħjuna n-negozji li fl-aħħar ġimgħat u anke bħalissa qed jesperjenzaw inqas turnover. L-għan tal-miżuri hu biex jgħinu lin-negozji jindirizzaw l-istruttura tal-ispiża.

It-tieni qasam li qed jitrattaw dawn il-miżuri hu li jħejju lin-nies jikkunsmaw u mhux għax m’għandhomx flus imma li jkollhom kuraġġ jerġgħu joħorġu.

It-tielet għan ta’ dawn il-miżuri huwa li jindirizza s-‘supply side’ tal-pajjiż. Jekk inħarsu lejn il-miżuri li l-pajjiż ħa sitta u seba’ snin ilu dawn kienu indirizzati għal tkabbir ekonomiku. F’dan is-snin it-tkabbir li l-pajjiż kien immira għalih seħħ. Maż-żmien imma l-potenzjal ekonomiku tal-gżira beda jbatti. Fid-dokument ippubblikat mill-gvern tħabbar pjan li fih pajjiżna se jonfoq xejn inqas minn €400 miljun, nefqa bla preċedent biex isaħħaħ il-qasam produttiv tal-pajjiż. 

Dan fost oħrajn ifisser li jekk per eżempju l-Malta Industrial Parks għandhom bżonn artijiet biex jospitaw l-industrija, dawn il-flus se jkunu qegħdin hemm biex kif l-ekonomija tirpilja din tingħata l-ispazju li henmm bżonn. Mingħajr dawn il-flus ma nistgħux nesperjenzaw it-tkabbir li konna esperjenzajna qabel. Din se tkun tfisser nefqa ta’ 3% tal-Prodott Gross Domestiku.

It-tliet miżuri l-kbar

Waħda mill-akbar miżuri mħabbrin f’dan il-pjan ta’ riġenerazzjoni hi dik marbuta mal-‘wage supplement’ jew kif inhi magħrufa aħjar bħala l-għotja ta’ €800. Din se tibqa’ kif inhi għax-xahar ta’ Ġunju. Imbagħad hu mistenni li tinqasam fi tliet stadji. Lukandi, oqsma tad-divertiment, skejjel tal-lingwi, aġenziji tal-ivvjaġġar u linji tal-ajru, dawn se jibqgħu bi €800 sa Settembru. Ir-raġunament warajha hi għax id-domanda għal dawn is-servizzi hi dik li hi.

Fil-maġġor parti għax-xhur ta’ Lulju u Awwissu u Settembru jaqgħu fuq €600 u oħrajn li s-suq għalihom infetaħ u d-domanda reġgħet irpiljat, dawn jaqgħu fuq Annex B li jfisser €160.

Kontijiet tad-dawl għan-negozji

Minn dak imħabbar fil-pjan ta’ riġenerazzjoni, għax-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru, il-gvern se jkun qed jagħmel tajjeb fl-ispiża tad-dawl għan-negozji. Kull applikant se jitħallaslu 50% mill-kont sa massimu ta’ €1,500. Din il-miżura se tiġi tiswa €30 miljun.  Din taffettwa lil dawk li huma affettwati mill-Wage Supplement.

Miżura oħra ta’ €50 miljun f’sussidju fuq kera għal negozji

Mill-pjan tar-riġenerazzjoni, jirriżulta li f’dawk li jirrigwarda l-kirjiet, dawk in-negozji li huma taħt l-Annex A u Annex B se jkunu jistgħu japplikaw għal sussidju fuq il-kera sa massimu ta’ €2,500 kull wieħed.  Dan ifisser li bejn kontijiet ta’ dawl u ilma u l-kera, għandhom €4,000 kull negozju.

Il-petrol u dijżil se jorħsu b’7ċ

Minn dak imħabbar, jirriżulta li l-Gvern se jkun qed jagħmel roħs sostanzjali fil-prezz tal-petrol u d-dijżil. Din hi miżura li minnha se jibbenefikaw bi kbir il-konsumaturi.  Mill-pjan jirriżulta li se jkun hemm roħs ta’ 7ċ fil-petrol u fid-dijżil minn nhar it-Tnejn.  Il-prezz tad-diesel se jonqos minn €1.28 għal €1.21 waqt li l-petrol se jorħos minn  €1.41 għal €1.34.

€100 għal kull persuna ‘l fuq minn 16-il sena

Bl-għan li jkun hemm inċentivi biex jiżdied il-konsum domestiku, liema konsum naqas sostanzjalment fl-aħħar snin, il-pjan se jkun qed jagħti €100 lil kull persuna li għandhom ‘il fuq minn 16-il sena. Dawn il-vawċers se jkunu qed jissarrfu €80 biex jiġu kkonsmati f’akkomodazzjoni, bars jew ristoranti u l-€20 l-oħra biex ikunu kkunsmati f’negozji li kienu għalqu minħabba ir-restrizzjonijiet biex tkun kontrollata l-Covid-19. Familja ta’ ħames persuni, se jieħdu €500 b’kollox.

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jkompli jħabbar aktar miżuri u jispjega fiex jikkonsistu

Miżuri dwar l-inwork benefit

Mill-pjan jirriżulta li se togħla it-treshold biex wieħed jibbenefika u se jiżdiedu r-rati li tingħata għal kull wild. Se jingħata suppliment speċjali lil kull familja ta’ €250.  Din se tkun tiswa €4 miljuni.

Għajnuna lill-għaqdiet volontarji

Fost dawk affettwati b’mod ħażin ħafna mill-pandemija hemm l-għaqdiet volontarji. Il-pjan qed jara li  se jkun hemm għajnuna ta’ €3 miljuni.

Għajnuna għad-djar tal-anzjani

Minħabba li biex jipproteġu lill-anzjani mill-imxija tal-Covid-19, id-djar tal-anzjani kellhom lock down, dan wassal biex kellhom ‘splużjoni’ fl-ispiża tal-kontijiet marbutin mal-pagi. Issa il-gvern se jwieżen billi jgħin lil dawn id-djar b’għajnuna ta’ €2 miljuni.

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-investiment u l-intrapriżi jkompli jiżvela aktar miżuri

Miżura oħra ta’ €50 miljun f’sussidju fuq kera għal negozji

Mill-pjan tar-riġenerazzjoni, jirriżulta li f’dawk li jirrigwarda l-kirjiet, dawk in-negozji li huma taħt l-Annex A u Annex B se jkunu jistgħu japplikaw għal sussidju fuq il-kera sa massimu ta’ €2,500 kull wieħed.  Dan ifisser li bejn kontijiet ta’ dawl u ilma u l-kera, għandhom €4,000 kull negozju.

Se jkun hemm waivers tal-liċenzji tal-gvern tan-negozji

Minn dak imħabbar mill-gvern jirriżulta li l-liċenzji li jkunu mħallsa lill-Gvern bħal dawk lill-MTA u id-Dipartiment tal-Kummerċ se jkunu ffrankati. Dan ifisser spiża ta’ €5 miljun. Din taffettwa l-bejjiegħa tal-monti u bejjiegħa fit-toroq.

Taħriġ lill-kumpaniji b’inqas minn 50 ħaddiem

Il-Malta Enterpise għandha skema oħra magħrfua bħala Skills Development Scheme u din hi intiża biex kumpaniji li għandhom inqas minn 50 ħaddiem, jingħataw għajnuna għat-taħriġ. Din l-iskema se jkollha żieda ta’ €5 miljuni fil-budget.

Rifużjoni ta’ 33% għal dawk li jġibu l-merkanzija 

Il-pjan jgħid ukoll li l-Gvern se jagħti rifużjoni ta’ 33% tal-port charges lil dawk il-vapuri li jġibu l-merkanzija lejn il-pajjiż imma mhumiex involuti fi trans shipment. Se tingħata wkoll rifużjoni ta’ 10% fuq il-containers charges schemes kemm għall-esportazzjoni kif ukoll għall-importazzjoni imma mhux trans shipment.

Miżuri biex jgħinu l-esportazzjoni

Dwar l-esportazzjoni, il-pjan jgħid li biex nilħqu swieq ġodda se jkun allokat baġit ta’ €400,000 lil Trade Malta biex din tirrifondi l-ispejjeż sa massimu ta’ €10,000 lil negozji lokali li jridu jinvestu fil-promozzjoni diġitali fi swieq barranin. Apparti minn hekk Trade Malta se tirrifondi wkoll 80% tal-ispejjeż lill-azjendi li jkunu se jieħdu sehem f’fieri internazzjonali imma tħassru.

Il-Malta Enterprise se tagħti €10 miljun mill-Bank tal-Iżvilupp biex tagħmel tajjeb fuq garanziji dwar l-esportazzjoni. 

Tax Credits f’għotjiet

Il-Malta Enterprise għandha l-iskema Micro-invest fejn 30% tagħha issa se jinqalbu f’għotjiet u b’hekk dawk in-negozji li qegħdin f’din l-iskema se jgawdu minn €2,000 fi flus kontanti.

Apparti dan se jkun hemm skema li għandha vot ta’ €2.5 miljun. Din se tgħin lill-kumpaniji jagħmlu re-engineering tan-negozju tagħhom. Il-Malta Enterprise se tkun qed tagħti finanzjament ta’ €5,000 lil kull negozju.

Differiment ta’ taxxa

Mill-pjan jirriżulta li se jerġa’ jkun hemm differiment tat-taxxa. F’dak li għandu x’jaqsam il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u t-taxxi tal-ħaddiema, dawk se jibdew jitħallsu mill-1 ta’ Lulju. Dan ifisser li income tax u kontribuzzjonijiet soċjali mill-ħaddiema dawk iridu jitħallsu. Il-pjan jaħseb biex taxxi marbutin man-negozji dawk se jiġu estiżi sal-aħħar ta’ Awwissu.

Il-ħlas ta’ dawn id-differimenti irid isir sa Mejju tas-sena d-dieħla. Dawn mhux se jkun hemm imgħaxx jew penalitajiet. Dawn jinvolvu xejn inqas minn €200 miljun.

Miżuri fil-qasam tal-proprjetà

L-aktar ħaġa li ntlaqtet fi żminijiet bħal dawn kienet il-proprjetà. Mill-pjan joħroġ li għaldaqstant se tkun qed titnaqqas kemm ir-rata tal-boll, jiġifieri ta’ min ikun qed jixtri u anke ta’ min ikun qed ibigħ. Ir-rata se tonqos minn 5 għal 1.5% għal min qed jixtri. Għal min qed ibigħ se tonqos minn 8% għal 5%. Dawn ir-rati se jkunu qed japplikaw fuq il-kuntratti li se jiġu iffirmati minn issa sa l-aħħar ta’ Marzu. Din tgħodd għal kull konvenju eżistenti.

Hemm limitu u dan hu għal proprjetajiet sa €400,000. Għal dak li mhux qed jixtru proprjetà għall-ewwel  darba, dawn il-miżuri ifissru roħs ta’ €14,000 fuq boll. 

Bħalissa biex tibbenefika minn proprjetà għall-ewwel darba ma jridx ikollok proprjetà. B’din l-iskema issa kull min se jixtri proprjetà darba f’ħajtu se jibbenefika minn din l-iskema.

Tiġijiet… rifużjoni sa €2,000

Dan il-pjan jaħseb ukoll għal dawk li pposponew it-tiġijiet.Għal min ippospona it-tieġ u daħlu fi spejjeż addizzjonali se jkun hemm rifużjoni sa massimu ta’ €2,000. Għal din il-miżura se jkun hemm allokati €2 miljuni.

Miżura li sserraħ l-irjus fuq Bonds

Il-gvern qed iħares li jkun hemm stabbiltà fi swieq kapitali. Għalhekk il-Gvern permezz tal-Bank tal-Iżvilupp, jekk ikun hemm bonds li ġew under-writing meta mmaturaw, se jara li dawn jidħol għalihom il-Bank tal-Iżvilupp. Intqal li din mhux se tiġri imma qed issir biex isserraħ ras in-nies.

Għajnuna lill-industrija tal-kostuzzjoni

Settur li ġie affettwat bil-kbir f’din il-pandemija kien dak tal-kostruzzjoni. B’dan il-pjan, se jkun hemm allokazzjoni ta’ €4 miljuni biex il-kuntratturi jimmodernizzaw il-makkinarju tagħhom. 

Se jkun hemm allokazzjoni ta’ €5 miljun biex in-negozji Maltin u Għawdxin jirreklamaw il-prodotti tagħhom. In-negozji għandhom bżonn jirreklamaw biex isibu domanda ġdida u se jingħataw din l-għajnuna.

Hemm aċċenn ukoll biex fl-isfond ta’ Green Recovery, il-gvern se jkun qed jiffinalizza l-pjan tiegħu biex fil-baġit li jmiss ikun żviluppat Low Carbon Development Strategy.

Se jitnieda helpline u se tingħata aktar informazzjoni

Il-Ministru għall-ekonomija Silvio Schembri spjega li minħabba n-numru sostanzjali ta’ miżuri ma kinitx xi ħaġa possibbli li jingħataw id-dettalji kollha relatati ma’ dawn l-istess miżuri. Qal li dan kien ifisser numru ta’ sigħat u b’hekk se jkunu qed jitħabbru aktar dettalji dwar kif wieħed jibbenefika minn dawn il-miżuri fil-jiem li ġejjin. Minbarra helpline li se jkun qiegħed jitnieda, Schembri qal li l-Malta Enterprise se tkun qiegħda wkoll tagħti aktar informazzjoni lil dawk li jikkuntattjawha biex jistaqsu dwar jekk humiex intitolati għal waħda minn dawn il-miżuri.

Ekonomija

Sport