Saturday, May 4, 2024

“Kont konvint li nikxef” … tintemm ix-xhieda ta’ Melvin Theuma

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Dalgħodu se tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-kawża kompliet tinstema’ l-ġimgħa li għaddiet wara ġimgħat ta’ stennija minnħabba li s-seduti sussegwenti kellhom jitħassru kaġun tal-pandemija tal-Covid-19.

L-Avukat Jason Azzopardi, li qed jidher għall-familja Caruana Galizia, fl-aħħar seduta qal li sab diskrepanza fit-traskrizzjonijiet ma’ rekordings preċedenti. Qal li kelma partikolari li kienet tinstema’ fl-awdjo ġiet rappreżentata bi tliet dots fit-traskrizzjoni. Huwa rrefera għal istanzi oħrajn ta’ diskrepanzi.

L-Avukat tad-Difiża Gianluca Caruana curran lejn l-aħħar tas-seduta lmenta li l-Qorti kienet ilha tisma’ x-xhieda ta’ Theuma għal seba’ xhur, u li jixtieq li tibda tinstema’ x-xhieda ta’ persuni oħrajn malajr. Il-Qorti qalet lill-Prosekuzzjoni li tixtieq li x-xhieda ta’ Theuma dwar it-traskrizzjonijiet tkun konkluża sas-seduta li jmiss.

3:00 p.m: Melvin jgħid li għamel żmien jixħet lil Keith Schemrbi fl-istess keffa ma’ Yorgen Fenech. Hu talabhom biex ma jħalli lil ħadd jipperikolalu ħajtu. Tant kienet qiegħda tkiddu id-dipressjoni li kien iżeffen lil Schembri fl-istorja.

Qal li minkejja dan kollu ma jista’ jgħid qatt li Keith kien involut fil-qtil. Huwa avża lil Yorgen li jekk joqtluh jew jibagħtuh il-ħabs kien se jimposta ċ-ċipep l-istamperija.

Qal li kieku Yorgen kien ħabib tiegħu qatt ma messu involvih f’dan il-każ u li lil Schembri ma kienx jafdah.

Fis-16 ta’ Ottubru 2018 ma kkomunikawx bil-mowbajl, iżda fil-jiem ta’ qabel u wara iva għax kien l-ewwel anniversarju mill-qtil.

Theuma qal li Yorgen kien talbu jwasslu l-ajruport wara li kien mar għall-festin li kien organizzat fil-Girgenti fi Frar tal-2019. Yorgen ma kienx qallu li Joseph Muscat staqsa għalih.

Tintemm ix-xhieda ta’ Melvin Theuma u l-kumpilazzjoni mistennija tkompli fit-12 ta’ Ġunju.

2:15 p.m: Yorgen qal lil Theuma li ried jgħaddi xi linja tat-telefon lill-aħwa Degiorgio. Thuema qal li hu kien lest li jagħmel xi ħaġa biex jidħol il-ħabs biex jikkomunika mal-aħwa. Iktar tard Yorgen kien lest jgħaddi mowbajl lill-aħwa Degiorgio fil-ħabs.

Theuma qal li kien iħoss li aħjar kieku miet minħabba l-pressjoni li kellu fuqu, iżda qal ukoll li meta kien jiltaqa’ ma’ Yorgen kien iħossu aħjar. Kien jemmen li jekk jibqgħu sodi lilu u lil Yorgen ħadd ma seta’ jagħmlilhom xejn.

Kien hemm żmien li ħass li Schembri u Yorgen setgħu kienu kompliċi biex joqtluh jew jitfugħ il-ħabs, iżda wara xi żmien reġgħu ngħaqdu.

Meta sar jaf li kienet se ssir inkjesta pubblika beża’ li jiġi eliminat.

1:50 p.m: Fl-elezzjoni tal-2017 Yorgen qal lil Melvin Theuma biex joqgħod għassa mad-dar ta’ Keith Schembri, iżda hu kien tela’ Għawdex bil-familja. Meta staqsa għalfejn hu, Fenech kien qallu li Schembri ma kienx jafda lil kulħadd.

1:40 p.m: Melvin Theuma jgħid li lil Yorgen Fenech kien qallu li mhux se jikxef imma kien determinat li jikxef.

1:25 p.m: Mistoqsi dwar messaġġ li bagħat lil Yorgen fit-12 ta’ Novembru li għadda, Melvin qal li Yorgen qallu biex iserraħ rasu għax kienu se jaslu. Dan ifisser li kienu se jirranġaw fuq meta jiġi arrestat. Kien qiegħed jistenna li jgħidlu fejn u meta kien se jsir ir-rejd fuqu u fehem li Fenech kien qed jinnegozja ma’ Schembri.

Theuma jinfexx jolfoq u jgħid li x’ħin isemmulu l-mara u t-tifla jħossha. Kompla jispjega li Fenech kien qallu biex iqis li jkollu kollox nadif u Thuema din fehma fil-kuntest ta’ evidenza. Qal li hu kien lest li jekk imorru għalih il-Pulizija jaqbad u jitkellem. Theuma qal li hu kellu informazzjoni li kien se jiġi mistoqsi erba’ domandi mill-pulizija u barra bid-daqq.

Lejliet l-arrest ta’ Theuma Yorgen bagħtlu li kien qed jipprova jirranġa biex is-sieħba u t-tifla ma jinġabrux mill-pulizija.

1:15 p.m: Lura fl-awla u s-seduta mistennija tkompli dalwaqt

12:20 p.m: Il-Qorti tieqaf għal waqfa qasira.

12:05 p.m: Yorgen qed jilmenta li l-avukat Matthew Brincat kien qiegħed jgħaddi xi kummenti.

Theuma kompla jispjega li r-recordings li kien għamel ma’ Yorgen u Yohann Cremona ma kinux kollha fil-kaxxa.

Rigward Keith Schembri huwa qal li lil Keith Schembri kien kellmu biss darbtejn u li b’ġurament ma jistax jimplikah fil-qtil. Kompla jgħid li dan qatt ma kien qallu biex joqtolha u lanqas tah flus biex jagħmel dan.

Qal ukoll li darba mar jistennieh Kastilja għax ma setax jaqbad lil Yorgen Fenech.

11:30 a.m: Theuma qal li kien jaf li se jiġi arrestat iżda ma seta’ jagħmel xejn. Kellem lil Yorgen biex ikellem lill-Kummissarju biex forsi jirranġawlu d-data jew iħallulu l-familja fil-kwiet.

L-Ispettur Arnaud qal li meta arrestaw lil Theuma kienu sabu xi voice recordings oħra u Theuma qal li hu kien bagħat minnhom lil Yorgen Fenech.

Theuma qal li hu kien tgħallem jikkerordja bil-mowbajl mingħand it-tifla tas-sieħba tiegħu li kien uża l-laptop tagħha biex jitrasferixxi kollox fuq pendrive.

11:05 a.m: Theuma qal li tant xtaq jitkellem li ġieli saq lejn id-Depot u lura. Qal li kieku tkellem mill-ewwel seta jinsiha l-proklama. 

Qal li l-flus li l-aħwa Degiorgio kienu qed jitolbu lil Fenech kienu piż kbir għalih u li kien deċiż li jlaqqa’ lil Mario Degiorgio ma’ Yorgen biex jirranġaw bejniethom u hu joħroġ minnha. Theuma qal li minn meta “qatluha ħajti spiċċat u dħalt f’oġġett li ma kontx niflaħ għalih”.

Theuma kien arrestat fuq ħasil ta’ flus u ngħalqulu l-kontijiet bankarji u ġiet irtirata sanction letter fuq xiri ta’ appartament. Yorgen kien qallu li jekk jarrestawh kien se jmur id-depot jistennih joħroġ iżda minflok kien se joħroġ bil-jott.

Melvin kompla jispjega li kellu argument ma’ Yorgen ġurnata qabel u spiċċa arrestat. Miegħu ġew arrestati s-sieħba, ommha u t-tfal li kienu qed joqogħdu magħhom.

10:40 a.m: Theuma qal li fid-diskors li kien ikollhom kienu tkellmu dwar Vince Muscat u li dan kien beda jikxef dwar xi bombi li kienu saru qabel. Qal li meta saret il-bomba taċ-Chippy hu u Fenech kienu sejrin lejn Franza. Qal li hu ma jafx jekk kinux l-aħwa Degiorgio wara dawn il-bombi.

Theuma kompla jgħid li Fenech kien qallu li jaqa’ l-gvern jekk l-mowbajl ta’ Cardona kien jispiċċa fl-idejn u li dan kien sinjal li kien hemm xi ħaġa bejn Cardona u Fulu.

Theuma qal li fid-diskors li kien ikollhom kienu tkellmu dwar Vince Muscat u li dan kien beda jikxef dwar xi bombi li kienu saru qabel. Qal li meta saret il-bomba taċ-Chippy hu u Fenech kienu sejrin lejn Franza. Qal li hu ma jafx jekk kinux l-aħwa Degiorgio wara dawn il-bombi.

Theuma kompla jgħid li Fenech kien qallu li jaqa’ l-gvern jekk l-mowbajl ta’ Cardona kien jispiċċa fl-idejn u li dan kien sinjal li kien hemm xi ħaġa bejn Cardona u Fulu.

10:50 a.m: Theuma qal li l-aħwa Degiorgio lilu kienu jafu u mhux lil Fenech u li meta qalulu li l-Koħħu kien qed jikxef ried iċempel lil Matthew Caruana Galizia biex jgħidlu kollox.

Qal li kien imur jiftaħ qalbu għand ħabib tiegħu Edwin Brincat. Qal li anke lill-kbir tal-qassisin ried imur ikellem għax ma setax iżomm fih aktar.

Huwa qabbel lil Yorgen ma’ iljun u lilu nnifsu ma nemla għax Yorgen kien jaf lil kulħadd u hu lil ħadd.

Theuma qal li ried jitkellem sa mal-Ispettur Arnaud mill-ewwel iżda ma kienx sab il-kuraġġ biex jikxef. 

Qal ukoll li Yorgen kien qallu li ma jistgħu jagħmlulu xejn u li minħabba d-dipressjoni li kienet ħakmitu, Fenech kien offrielu €5,000 biex imur vaganza.

10:30 a.m: Ikompli jinstema’ r-rekording iżda Melvin Theuma jgħid li ma jistax iwieġeb għax ma kienx fehem sewwa x’kien intqal. Theuma kompla jgħid li meta kienu jsibu l-mowbajl ta’ ħaddieħor kien jistrieħ tikka għax dejjem kien jibża’ li l-investigazzjoni tispiċċa tiffoka fuqu.

10:15 a.m: Qal li meta Yorgen instema’ jgħid “qalli sieħbi” kien qed jirreferi għal Keith Schembri. Qal li kieku kienu sabu ta’ Cardona kien jieħu pjaċir għax kien jeħel ħaddieħor minfloku. Yorgen kien qallu li kienu qed jaħsbu li l-mowbajl kien ta’ Cardona.

10:00 a.m: Beda biex jgħid li Yorgen kien qallu li sabu mowbajl ta’ Chris Cardona u dan seħħ wara li hu kien qallu li kienu sabu l-mowbajl tiegħu.

Għal darba oħra Theuma qal li kellu mowbajl bejnu u bejn Alfred Degiorgio u li hu kien ħaseb li l-awtoritajiet kienu sabu l-mowbajl tiegħu ħdejn it-tinda tal-patata.

Qal li Yorgen kien qallu li sabu diversi mowbajls u li Vince Muscat kien lest li jikxef xi informazzjoni. Din l-informazzjoni Yorgen kien jgħid li jġibha mingħand Keith Schemrbi u Silvio Valletta.

Il-Maġistrat tistaqsi l-Ispettur Keith Ardnaud  jekk il-Pulizija hijiex qed tinvestiga dan kollu u hu jwieġeb li iva.

9:45 a.m: Jidħol fl-awla Melvin Theuma.

9:40 a.m: Bħalissa qed jiġu diskussi partijiet mir-rekordnings li ma ġewx traskritti.

9:30 a.m: Tidħol fl-awla l-Maġistrat Rachel Montebello li għamlitha ċara li x-xhieda ta’ Melvin Theuma trid tinstema’ sal-lum.

9:10 a.m: Jidħol fl-awla Yorgen Fenech. Preżenti hemm ukoll ħames uffiċjali tal-ħabs li huma wkoll armati.

Sport