Monday, December 23, 2024

Imħabbar proġett ta’ ġnien ġdid f’Ħad Dingli, b’investiment ta’ €420,000

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ekonomija u Industrija Silvio Schembri llum ħabbar proġett ta’ ġnien ġdid fiż-żona tal-Kappella ta’ Santa Domenika ġewwa Ħad Dingli, preċiżament bejn Triq il-Għajn u Triq Santa Marija, b’investiment ta’ madwar €420,000.

“L-investiment li qed nħabbar illum huwa riżultat ta’ konverżazzjoni li kelli mas-Sindku Raymond Schembri li ressaq miegħi t-talba tar-residenti, l-isfidi li jiltaqgħu magħhom f’din iż-żona partikolarment fejn għandu x’jaqsam nuqqas ta’ parkeġġ fost oħrajn. Permezz ta’ dan il-proġett se jkun qed jinħoloq parkeġġ ġdid,” qal il-Ministru Schembri.

“Dan il-proġett qiegħed jiġi mejgħun minn INDIS Malta, li jaqa taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Ekonomija u Industrija, bħala parti mill-programm ta’ Corporate Social Responsibilty, fejn rajna li nagħtu xi ħaġa lura lil din il-kommunità.

“Ġnien , spazju miftuħ li jikkumplimenta s-serenità li joffri dan ir-raħal mill-isbaħ, Id-deċiżjoni fiha nnifisha hija wkoll riflessjoni tal-bidla li gradwalment irridu nagħmlu fl-iżvilupp ekonomiku tagħna,” kompla fisser il-Ministru Schembri.

Dan is-sit huwa mifrux fuq medda ta’ kwazi 800 metru kwadru, li minnhom kważi n-nofs se jkunu ddedikati għas-siġar u x-xtieli.

“L-idea tagħna hija li meta jitlesta dan il-proġett ikun jista’ jsostni lilu nnifsu fejn tidħol il-provvista tad-dawl elettriku, kif ukoll dik tal-ilma.

“Fil-fatt, l-ilma tax-xita se jinġabar u jinħażen kollu ġewwa reservoir taħt l-art, sabiex wara jkun jista’ jintuża kemm għat-tindif, kif ukoll biex jissaqqew il-pjanti ta’ dan il-ġnien.”

Il-provvista tal-elettriku se tiġi ġġenerata minn PV panels żgħar fid-daqs sabiex ma jtellfux mid-dehra estetika u mis-sbuħija tal-ambjent li se nkunu qed noħolqu, iżda fl-istess ħin b’saħħithom biżżejjed sabiex nħaddmu l-bozoz tad-dawl, il-pompi tal-ilma u s-sistema tal-irrigazzjoni, kif ukoll CCTV cameras li se ninstallaw sabiex ngħinu fiż-żamma tas-sigurtà f’dan il-post.

Minn barra lill-INDIS Malta, il-Ministru Schembri rringrazzja wkoll lid-Dipartiment tal-Artijiet “li ħadem biex l-art fejn se jsir il-ġnien tingħadda lill-Kunsill Lokali ta’ Ħad Dingli, sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb dan il-ġnien”.

Ekonomija

Sport