Sunday, December 22, 2024

Imħabbar servizz ġdid għas-saħħa mentali

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar servizz ġdid għal dawk il-pazjenti li jkollhom bżonn kura u servizzi għas-saħħa mentali. Din hija ħolqa oħra fil-katina ta’ servizzi li qed jiżdiedu għal dawk il-pazjenti li jkollhom bżonn din il-kura.

Dan is-servizz, li se jkun magħruf bħala ‘Crisis Resolution Home Treatment’, se jkun qed jiffunzjona minn binja rinovata ftit il-barra minn Monte Karmeli, pero minkejja li t-tim se jkun ibbażat hemmhekk, huwa se jkun qiegħed jagħmel ħafna mix-xogħol fid-djar tal-pazjenti.

Id-Deputat Prim Ministru spjega li it-tim huwa magħmul minn 11-il professjonist: żewġ psikajtri, tmien infermiera u psikologu, li flimkien se jkunu qed joffru dan is-servizz.

“Illum madwar 8-10 pazjenti kuljum jidħlu fl-Isptar Monte Karmeli minħabba kundizzjonijiet akuta jew xi kriżi mentali. Uħud minnhom jista’ jkun li jekk naqbduhom kmieni u nagħtuhom it-trattament tagħhom fid-dar tagħhom, nistgħu nevitaw li jkollhom għalfejn jidħlu f’Monte Karmeli,” qal Fearne filwaqt li spjega li qed jikkalkulaw li madwar terz ta’ dawn il-pazjenti li sal-lum jidħlu Monte Karmeli, jevitawlhom milli jkollhom għalfejn effettivament jidħlu għax se jkunu qed imorru fid-djar tagħhom stess. Qal li dan it-tim il-ġdid se jkun qed jagħmel eżattament hekk.  Żied jgħid li meta wieħed jieħu l-kura aktar kmieni u aktar aċċessibbli, jonqsu l-kumplikazzjoni.

Waqt il-konferenza, id-Deputat Prim Ministru qal li għal numru ta’ snin, mhux biss f’Malta imma madwar id-dinja, il-kura tas-saħħa mentali qatt ma ngħatat l-istess riżorsi daqs kemm ingħataw għall-kura għall-mard ieħor.

F’dan ir-rigward, aċċenna għall-fatt li f’dawn l-aħħar snin, din l-attitudni nbidlet f’pajjiżna u għadha qed tkompli tinbidel b’mod speċjali fl-aħħar snin mindu ġiet imnedija l-istrateġija nazzjonali għas-saħħa mentali li issa ilha madwar sentejn li ġiet imnedija.

Filwaqt li semma kif f’Monte Karmeli qed isir ħafna xogħol mil-lat strutturali, aċċenna għall-fatt li ma teżistix din biss. Qal li llum għall-ewwel darba hemm inqas minn 200 pazjent f’dan l-Isptar. Dan kollu huwa msejjes fuq il-fatt li qed tingħata aktar importanza biex is-servizz jersaq aktar qrib in-nies u jingħata fil-komunità.

Ekonomija

Sport