Nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Lulju 2024 se tittella’ t-tnax-il edizzjoni ta’ Ħondoq by Night Festival, waħda mill-akbar attivitajiet li jsiru f’Għawdex. Dan ġie mħabbar mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri.
Il-Ministru Clint Camilleri sostna li matul dan is-sajf, dawk kollha li jżuru Għawdex se jsibu xejn inqas minn 130 attività x’tistennihom, fosthom dan il-festival fuq il-bajja ta’ Ħondoq ir-Rummien. Il-Ministru Camilleri qal, “Dan il-festival sar isem sinonimu fil-kalendarju ta’ attivitajiet li jsiru f’Għawdex u huwa wieħed ferm popolari, tant hu hekk li ta’ kull sena baqa’ jżid mhux biss fil-popolarità tiegħu imma anke fl-attendenza.”
Kompla jispjega, “Il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ikun fuq quddiem biex jgħin finanzjarjament sabiex jittellgħu attivitajiet bħal dawn, li tant jattiraw viżitaturi lejn Għawdex filwaqt li jiġġeneraw turiżmu intern. Kommess li nkomplu ninvestu f’dawn l-avvenimenti u nsaħħuhom sabiex Għawdex ikun id-destinazzjoni tal-għażla ta’ kulħadd matul is-sena kollha u mhux fis-sajf biss.” Is-Sindku tal-Qala, Paul Buttigieg, stieden lill-pubbliku sabiex jattendi għal dan l-avveniment fejn wieħed jista’ jgawdi din il-bajja f’ambjent naturali mill-isbaħ.
Noel Mizzi, wieħed mill-organizzaturi ta’ dan il-festival, qal li l-line up tal-Ħondoq by Night Festival se jinkludi wħud mill-aqwa artisti lokali, fosthom Jolene Samhan & Band, Tenishia, Ryan Spiteri, Darco u DJ Sue. L-attività tibda fit-8:30pm.