Tuesday, June 10, 2025

Imħabbra r-raba’ edizzjoni ta’ ‘A Night at the Palace’ b’risq Special Olympics Malta

Aqra wkoll

Nhar il-Ħamis 3 ta’ Lulju, fil-Palazz tal-Girgenti, se tittella’ edizzjoni oħra ta’ ‘A Night at the Palace’ f’dak li se jkun spettaklu mużikali b’differenza għal għan nobbli.

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni tal-Maestro Aurelio Belli, flimkien mal-kantanti Amber, Richard Edwards u Gloriana Arpa Belli, se jwasslu lill-udjenza l-iktar mużika sinonima mal-films u musicals rinomati fosthom Titanic, Gladiator, Skyfall, The Lion King u ħafna iktar.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li matulha ngħataw id-dettalji tal-attività, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela spjegat kif din is-sena d-donazzjonijiet miġbura minn dawk preżenti se jmorru b’risq proġett ta’ Special Olympics Malta fil-qasam tas-saħħa mentali. Preċiżament biex jiġi msaħħaħ il-programm ‘Strong Minds’ li huwa għodda ta’ tagħlim li jiżviluppa ħiliet ġodda biex l-atleti jadattaw għal ċirkostanzi differenti li jiltaqgħu magħhom.

Dr Abela qalet li l-kompetizzjonijiet sportivi spiss jirrikjedu li l-atleti jagħmlu ħafna ħin ’il bogħod mid-dar u mill-pajjiż, u dan jista’ jikkawża stress mentali. L-istess, fil-ħajja ta’ kuljum fejn l-atleti bħal kull wieħed minnha jistgħu jgħaddu minn perjodi ta’ ansjetà.

Bid-donazzjonijiet li se jinġabru waqt ‘A Night at the Palace’, Special Olympics Malta se tkun tista’ toffri iktar mezzi, fosthom screening tas-saħħa mentali tal-atleti biex ikun hemm sistema iktar robusta li tidentifika riskji fi stadju kmieni u allura kura fil-komunità iktar effettiva.

Mart il-Prim Ministru appellat lill-pubbliku biex jattendi għal din iċ-ċelebrazzjoni mużikali fix-xenarju mill-isbaħ tal-Palazz tal-Girgenti u bil-preżenza tiegħu jkun qed jagħti sehmu fi Special Olympics u f’din is-soċjetà Maltija li qed tħares dejjem iktar favur is-saħħa mentali u l-benefiċċji li ġġib magħha.

Dr Lydia Abela temmet tgħid li bidliet żgħar jistgħu jħallu impatt kbir mhux biss fuq l-individwu iżda anke fuq il-familji tagħhom.

Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta Vanessa Mangion qalet li, bħala istituzzjoni nazzjonali b’reputazzjoni għolja, huwa ta’ sodisfazzjon li l-Orkestra tkompli turi l-impenn tagħha lejn is-soċjetà, bis-sehem tagħha f’attivitajiet filantropiċi, din id-darba b’repertorju sabiħ għal gosti ta’ kulħadd. 

Il-Maestro Aurelio Belli spjega kif l-attività se tinkludi xogħlijiet mużikali ikoniċi minn films u musicals rinomati, interpretati mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta li hija versatili biex twassal siltiet sinfoniċi, klassiċi, rock u iktar.

Il-biljetti jistgħu jinkisbu mingħajr ħlas minn https://anightatthepalace.com/.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport