Tuesday, December 24, 2024

Imħabbra skemi ta’ €15-il miljun għall-proġetti ta’ diġitilizzazzjoni fin-negozju

Aqra wkoll

Ġew imnedija skemi li jammontaw għal €15-il miljun, mill-Pjan għall-Irkupru u Reżiljenza tal-Unjoni Ewropea, immirati għan-negozji għal proġetti ta’ diġitilizzazzjoni.

“Dan kien xahar partikolari u importanti għal pajjiżna, minbarra l-miżuri immirati għan-negozji li ħabbarna, kellna l-aħbar li Malta tneħħiet mil-lista l-griża u llum għandna l-konferma ta’ kemm l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jaħdmu. Il-ħidma kollha li għamilna matul din is-sena għandna ndawwruha b’mod pożittiv u nibqgħu nibnu fuqha,” qal il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri.

Ġie spjegat li l-fondi ta’ €15-il miljun li huma immirati lejn it-tranżizzjoni diġitali fl-intrapriżi, se jkunu mifruxa fuq żewġ skemi, l-SME Digitalisation Grant Scheme li se tkun miftuħa biss għall-intrapriżi ta’ daqs micro, żgħar u medji u d-Digital Intensification Scheme li ħa tkun miftuħa għall-intrapriżi kollha skont il-kriterji stabbiliti. Permezz ta’ dawn l-iskemi l-gvern qed jassigura li intrapriżi żgħar, li huma dawk li l-aktar għandhom bżonn jinvestu fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni, ma jkollhomx għalfejn jikkompetu ma’ proġetti akbar u aktar ambizzjużi u jkunu żvantaġġati.

L-SME Digitalisation Grant Scheme se toffri għotjiet sa massimu ta’ €50,000 għal investimenti fi kwalunkwe intervent diġitali. Ir-rata ta’ għajnuna taħt din l-iskema se tkun ta’ 50% għal Malta u 60% għal Għawdex.

Id-Digital Intensification Scheme hija immirata għal proġetti akbar u aktar ambizzjużi u, filwaqt li hi miftuħa għal bosta setturi, hemm prijorità għal investimenti fis-setturi tal-manifattura u dak turistiku. Din l-iskema se toffri għotjiet sa massimu ta’ €200,000 b’rata ta’ għajnuna li tvarja minn 30% sa 10% skont id-daqs tal-intrapriża u l-post fejn se jsir l-investiment. F’Għawdex, ir-rata ta’ għajnuna ser tkun għola b’5%.

“Irridu naraw li n-negozji tagħna huma aktar effiċjenti u li għandhom l-għodod teknoloġiċi għad-dinja tal-lum. Il-pandemija ukoll uriet aktar minn qatt qabel l-importanza li n-negozji jkollhom pjattaforma diġitali. Iż-żewġ skemi mħabbra llum se jkunu qed jgħinu lin-negozju jibda pjattaforma diġitali, jew jkabbar il-pjattaforma diġitali,” żied jgħid il-Ministru Silvio Schembri.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett sostna li dawn il-fondi jindirizzaw it-tranżizzjoni diġitali sabiex in-negozji jwettqu investimenti fid-diġitlizzazzjoni, isiru aktar kompetittivi u jintroduċu innovazzjoni fin-negozju tagħhom sabiex isiru aktar reżiljenti għall-isfidi tas-suq.

“Permezz tal-iskemi li ħabbarna matul dan l-aħħar xahar, b’kollox qed nallokaw €35 miljun mill-Fond għall-Irkupru u Reżiljenza sabiex ikompli jsir investiment fin-negozji. Qabel ħriġna dawn l-iskemi għamilna proċess ta’ konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali għax verament ridna nisimgħu mingħandkom sabiex jitfasslu l-aħjar skemi għan-negozji,” qal Dr Chris Bonett.

Il-Ministru Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari Chris Bonett ħeġġew lin-negozji sabiex japplikkaw għal fondi sabiex jibbenefikaw mill-iskemi li ġew imnedija matul l-aħħar xahar.

Ekonomija

Sport