Wednesday, December 25, 2024

Imħassba bl-iżvilupp żejjed f’Għawdex

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar ġimagħtejn, l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) wettqet stħarriġ fost il-membri tagħha li jiffoka fuq il-prodott turistiku u r-restrizzjonijiet li qed jaffaċċjaw l-istabbilimenti turistiċi Għawdxin f’dawn iż-żminijiet ta’ rkupru mill-pandemija tal-Covid-19.

Fost dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ kien hemm dawk ġejjin mis-setturi tal-akkomodazzjoni, ċentri tal-għadis, ristoranti, trasport, operaturi turistiċi u aġenziji tal-ivvjaġġar fost l-oħrajn.

L-istħarriġ sab li s-settur turistiku f’Għawdex huwa mħasseb serjament dwar l-iżvilupp żejjed f’Għawdex. Fil-fatt il-maġġoranza assoluta (100%) tal-istabbilimenti ddikjaraw li Għawdex qed jitlef mis-sbuħija u l-karatteristiċi tiegħu minħabba l-iżvilupp żejjed li qed isir fil-gżira tat-tliet għoljiet. Barra minn hekk, 91% ta’ dawk li wieġbu fl-istħarriġ, qalu li dan l-iżvilupp se jiskoraġixxi turisti kemm barranin kif ukoll dawk Maltin li jiġu u jżuru Għawdex.

Dawk li wieġbu għal dan l-istħarriġ intalbu wkoll jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar il-prodott turistiku Għawdxi. Għal darba oħra, maġġoranza sinjifikanti ta’ 81% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ iddikjaraw li proġetti li għadhom ma tlestewx qed iħallu dehra mitluqa fil-gżira. Aktar minn hekk, 62% jemmnu li f’Għawdex għandha ssir tindifa ġenerali, fejn qed ikun irrakkomandat xogħol ta’ manutenzjoni kontinwa ta’ spazji pubbliċi, ġonna u żoni ħodor oħra. 

Sadanittat, 55% ta’ dawk li wieġbu qalu li l-istabbilimenti tagħhom għandhom bżonn ikunu rinovati jew imtejba filwaqt li 95% ta’ dawn iċċaraw li mhumiex f’pożizzjoni finanzjarja tajba li jagħmlu dan ix-xogħol.

Suġġet ieħor li kienu mistoqsijin dwaru kien in-nuqqas ta’ riżorsi umani fis-settur turistiku f’Għawdex. Mitluba jagħtu l-proposti tagħhom li jgħinu biex tittaffa din il-problema, 66% ta’ dawk li wieġbu pproponew il-posponiment tal-impjieg mas-settur pubbliku, filwaqt li 64% issuġġerew inċentivi fiskali favorevoli għall-impjegati fis-settur tat-turiżmu.

Min-naħa l-oħra, 55% ta’ dawk li wieġbu, l-aktar mir-resorts ta’ Marsalforn u x-Xlendi, irrimarkaw fuq in-nuqqas ta’ spazji ta’ parkeġġ li qed jaffettwaw il-klijentela tagħhom.

Ekonomija

Sport