Sunday, December 22, 2024

“Imħassbin għax ma kienx hemm konsultazzjoni”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-Sezzjoni tal-Edukazzjoni tal-GWU u l-MUT isostnu li ż-żmien qiegħed jagħfas

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni ħabbar li l-pjan tal-ftuħ tal-iskejjel għas-sena skolastika l-ġdida huwa lest u qiegħed jistenna l-approvazzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa. Wara huwa mistenni li jsiru laqgħat mal-istakeholders kollha, kif ukoll tingħata l-informazzjoni kollha lill-pubbliku. Talk.mt tkellem mar-rappreżentat tas-Sezzjoni tal-Edukazzjoni tal-GWU, Gabriel Pullicino u mal-President tal-Malta Union of Teachers (MUT), Marco Bonnici, fejn it-tnejn qablu li ż-żmien biex ikun ippreżentat dan il-pjan qiegħed jagħfas u li bħala r-rappreżentanti tal-edukaturi f’Malta, għadhom ma ġewx ikkonsultati.

“Aħna nissuġġerixxu li dan il-pjan jiġi kkomunikat malajr. Sfortunatament iż-żmien diġà daħal sew u għalhekk wasal iż-żmien li jgħidulna x’inhu l-pjan ta’ ftuħ. L-edukaturi għandhom bżonn ikunu jafu kif se jaħdmu. Apparti minnhekk, ninsabu mħassba għax ma kienx kienx hemm konsultazzjoni,” sostna Pullicino.

Is-Sezzjoni tal-Edukazzjoni tal-GWU qalet li hija temmen li biex ikun pjan li jaħdem u li jiggrantixxi l-aqwa għall-istudenti u l-aħjar sigurtà għall-edukaturi, kellu jkun hemm diskussjoni matura u parteċipativa.

Pullicino spjega kif, “b’esperjenza nistgħu ngħidu li anke ċerti kumpaniji mis-settur privat ikkonsultaw magħna fuq dan is-suġġett. Għalhekk, bl-istess mod, il-Ministeru jrid jibda jagħraf li aħna nistgħu naħdmu flimkien biex niggarantixxu l-aħjar pjan ta’ ftuħ”.

Fi tmiem l-intervent tiegħu Gabriel Pullicino stqarr li bħala Union, qegħdin jittamaw li l-Ministeru jisma’ din it-talba u jibdew jaħdmu flimkien f’ħidma ta’ koperazzjoni.

MUT: “Nisperaw li s-sitwazzjoni tkun aktar ċara”

Marco Bonnici qal li, “il-Ministeru qiegħed jgħid li l-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel huwa ffinalizzat imma la l-MUT u lanqas is-settur li ma jagħmilx parti minn dak tal-Istat, m’għandhom informazzjoni jew ġew ikkonsultati. Jekk il-pjan huwa l-istess bħalma kien fl-aħħar snin, dan jinvolvi proċeduri li diġà ppruvajna u nafu r-riżultat tagħhom”.

Filwaqt li l-MUT qalet li bħala unjin ġew mistiedna biex fil-ġimgħat li ġejjin jattendu għal laqgħat mal-Ministeru, sostniet li jekk però l-pjan ta’ ftuħ għas-sena skolastika l-ġdida jinvolvi proċeduri ġodda, hemm il-kwistjoni taż-żmien flimkien mal-fatt li ma kienx hemm konsultazzjoni. 

Il-President tal-MUT temm jgħid li wara li jsiru l-laqgħat mal-Ministeru, jittama li s-sitwazzjoni tkun aktar ċara għall-ġid ta’ kulħadd.

Dan il-ġurnal talab ukoll reazzjoni mill-Unjin tal-Edukaturi Professjonisti (UPE) iżda sakemm wasalna għall-istampa ma taw ebda kumment.

Ekonomija

Sport