Kemm kienet għaqlija t-triq li għażilna biex nispeċjaliżżaw fil-ħidma internazzjonali tal-logħob tal-imħatri bl-internet? Veru li l-ekonomija Maltija kibret bil-ħidma ta’ das-settur. Imma wieħed ma jistax jinjora fhiex tikkonsisti l-attività ekonomika li fuqha jibbaża ruħu. Tirkeb fuq it-tentazzjoni li tmiss lil kull bniedem biex jilgħab xortih… biex jaqla’ l-flus mhux għax ħadem għalihom billi ħoloq prodott, jew idea valida… imma għax tmissu x-xorti.
Bla dubju, hu settur ekonomiku qawwi. Minnu jaqilgħu l-flus kemm operaturi kbar, kemm impjegati żgħar. Imma xejn fih ma jispira fiduċja f’ħidma serja u bieżla. Kull fejn inġemgħu l-impriżi tal-imħatri, mhux lanqas fl-Istati Uniti, madwarhom inbnew ukoll l-imperi tal-kriminali u tal-mafji.
Meta s-settur ġie fostna, ħadd ma qanqal problemi. L-aqwa ekonomisti, avukati u accountants rawha bħala idea tajba. Il-Knisja Kattolika li dejjem lesta biex tippriedkalna – dan l-aħħar anke kontra l-creches għat-tfal iż-żgħar – baqgħet muta dwar il-ħidma favur l-imħatri f’Malta.
KIF JITQIESU L-EWROPEJ
Osservatur ċiniku tal-istorja jista jgħid: Wara li għal erba’ sekli u aktar, l-Ewropej telqulha biex jikkolonizzaw lill-bqija tad-dinja, ħolmu bid-drittijiet tal-bniedem. Dan fiż-żmien meta ġew imġegħla jirtiraw mill-imperi tagħhom. Illum jippretendu li jagħtu lezzjonijiet fit-tmexxija tajba u umana lil ġnus oħra. Iridu li ħaddieħor jimporta l-valuri u l-metodi tagħhom ta’ governanza – inkella jinġibdu lura, jaraw kif jirrifjutaw li jirrikonoxxuh jew ikollhom relazzjonijiet miegħu, u jpoġġu esiġenzi fuq l-imġiba tiegħu – inkella jissanzjonawh.
Biss imbagħad meta jibdew jinqarsu fl-interessi fondamentali tagħhom – ekonomiċi u soċjali – l-Ewropej jafu kif ibenġlu l-messaġġ. Mhux ta’ b’xejn li pajjiżi li kienu eks-kolonji ftit jafdawhom.
Dan forsi hu ġudizzju aħrax wisq. Il-problema hi li hemm ħafna li jaqblu miegħu.
TFAL-ADULTI
Hi idea tajba li t-tfal jingħataw vuċi fl-affarijiet publiċi għaddejja madwarhom, aktar u aktar jekk se jkunu b’xi mod affettwati minnhom. Biss dil-ħaġa għandha titwettaq b’sens u prudenza, barra milli tkun ġenwina. Hi ħaġa ċara li m’hemm l-ebda virtu filli tuża t-tfal bħala għodda biex jitwassal messaġġ li mhuwiex tassew tagħhom, imma ta’ min qed jimbottahom ’il quddiem. Talanqas spiss meta tkun qed titħaddem din l-istrataġemma, malajr tista’ tagħrafha ta’ li hi u tiċħadha.
Aktar problematika hi s-sitwazzjoni fejn it-tfal jitressqu… ta’ spiss b’mod ġenwin… lejn imġiba li tinħass bħala… anzi li tkun… imitazzjoni ta’ imġiba adulta. B’hekk ma jinkiseb l-ebda riżultat ta’ fejda. Tfal li jimitaw imġiba matura la jkunu qed jesprimu l-interessi veri tat-tfulija u wisq anqas ma jkunu qed jipparteċipaw bis-sens fid-dinja tal-adulti. It-tfulija trid titħalla tkun tfulija.

