Sunday, November 24, 2024

Imħatri llegali: Boniek ma jemminx l-aħbarijiet ta’ Fabrizio Corona

Aqra wkoll

Il-viċi-president tal-UEFA u leġġendarju ta’ Roma, Zbigniew Boniek, iwissi li ma jemminx l-aħbarijiet ta’ Fabrizio Corona dwar l-iskandlu tal-imħatri. “Nicola Zalewski jassigura li qatt ma lagħab u li huwa totalment nadif.”

Is-sitwazzjoni faqqgħet il-ġimgħa l-oħra b’Corona jsostni li Sandro Tonali u Nicolò Zaniolo kienu taħt investigazzjoni għal-logħob illegali.

Dan ġiegħel lill-pulizija tgħaġġel il-proċeduri aktar kmieni milli mistenni, u wassal biex iż-żewġ players jirtiraw mill-iskwadra Taljana li kienet se tiffaċċja lil Malta s-Sibt li għadda u lill-Ingilterra għada.

Imbagħad Corona semma’ lid-difensur ta’ Roma u l-Polonja, Zalewski, iżda ma jidhirx li hu suġġett għal xi tip ta’ investigazzjoni formali.

“Tkellimt mal-aġent ta’ Zalewski, li qalli li Nicola jassigura li qatt ma għamel imħatri u li hu totalment nadif,” qal Boniek lil Prawda Futbolu.

“Dan huwa terremot straordinarju fil- football, iżda hawn ukoll qed nirċievu informazzjoni ħażina. L-ewwel nett Fabrizio Corona huwa deskritt bħala ġurnalist. U Fabrizio Corona mhuwiex ġurnalist.

“Dan huwa raġel li rċieva sentenza ta’ 13-il sena ħabs għal ħafna affarijiet diffe­renti, inklużi rikatti lin-nies. Huwa kien wieħed mill-paparazzi. M’iniex qed ngħid li m’hemm l-ebda verità għal dak li jgħid, iżda dan jista’ jseħħ b’modi differenti.”

Corona kien imlaqqam bħala r-Re Paparazzi u fil-fatt qatta’ żmien il-ħabs talli rrikatta lill-players tal-football u lill-clubs b’ritratti u filmati, u wiegħed li jżommu barra mill-istampa.

Issa jidher li qed jaħdem ma’ sit tax-xnigħat online msejjaħ Dillinger News, li jiftaħar li hu “illegali” fiċ-ċrieki tal-midja.

Sport