Ġurnal popolari Taljan jirrapporta li l-involviment ta’ Sandro Tonali u Nicolò Fagioli fi skandlu tal-imħatri fl-Italja huwa biss “il-ponta tal-muntanja” u li dalwaqt se joħorġu “ismijiet ġodda”.
L-investigaturi qed janalizzaw mobiles u tablets li huma kemm tal-midfielders Taljani kif ukoll ta’ Nicolò Zaniolo li, għall-kuntrarju tal-kompatrijotti tiegħu, ċaħad li lagħab fuq partiti tal-football, tant, li sostna li lagħab biss il-poker u l-blackjack, mingħajr ma kien jaf li uża pjattaformi llegali online.
Fagioli diġà ġie skwalifikat għal seba’ xhur, filwaqt li Tonali jista’ jiġi sospiż għal aktar minn sena.
“Din hija biss il-ponta tal-muntanja”, jgħidu l-ġurnalisti Simona Lorenzetti u Massimiliano Nerozzi. L-investigazzjonijiet mill-FIGC u mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Turin għadhom għaddejjin.
Il-midja Taljana ppubblikat parti mill-interrogazzjoni ta’ Fagioli mal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-FIGC, iżda l-ġurnal jissottolinja li ħafna mid-dokumentazzjoni mogħtija lill-media ġiet ridotta.
Fagioli qal li Tonali wrieh app biex jagħmel imħatri llegali fuq l-internet waqt li kien qed jaqdi dmiru mal-Italja U/21 fl-2021, iżda “oħrajn kienu wkoll qed jilagħbu logħob tal-azzard”.
L-artikolista, Fabrizio Corona, semma’ tliet players oħra tas-Serie A allegatament involuti fl-iskandlu, iżda skond l-istess ġurnal mhumiex taħt investigazzjoni.
Tabilħaqq, l-avukati ta’ Nicolò Casale u Nicola Zalewski, tnejn mill-players ikkwotati minn Corona, ħabbru li se jfittxu lill-eks ‘Re tal-Paparazzi’ għal malafama.
Tonali ammetta li lagħab imħatra fuq Milan meta kien taħt kuntratt mar-Rossoneri, iżda mħatra biss fuq l-eks club tiegħu biex jirbaħ, filwaqt li Fagioli ċaħad li qatt lagħab imħatra fuq Juventus jew Cremonese.
L-investigaturi qed janalizzaw id-diskors tal-players biex jifhmu jekk players oħra jistgħux ikunu involuti fil-każ, mhux biss players, iżda skond il-ġurnal se joħorġu ismijiet oħra fil-ġimgħat li ġejjin.
Sadanittant, jidher li Tonali se jkun jaf kemm se jiġi sospiż il-ġimgħa d-dieħla, u dan ifisser li l-logħba ta’ għada li Newcastle għandhom kontra Crystal Palace tista’ tkun l-aħħar waħda tal-intenazzjonali Taljan dan l-istaġun.