Saturday, December 28, 2024

“Imiss qabża fil-kwalità u rridu naraw fejn se nieħdu l-pajjiż”

- Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’intervent li għamel waqt id-diskussjoni li saret dalgħodu bit-tema “Ekonomija li taħdem għan-Nies”, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja sostna li ma nistgħux nibqgħu nitkellmu biss ekonomikament imma rridu nitkellmu wkoll soċjalment, ta’ fejn irridu nieħdu lil dan il-pajjiż u lis-soċjetà tagħna fiż-żmien li ġej. Huwa qal li kulħadd qed jikkontribwixxi u għalhekk is-suċċess irid jinqasam fost kulħadd.

“Fil-postijiet tax-xogħol fejn nirrappreżentaw, il-ħaddiema jieħdu pjaċir meta jkunu apprezzati u dak l-apprezzament jissarraf f’kundizzjonijiet aħjar. Illum m’għadniex nitkellmu iżjed fuq impjiegi iżda fuq karrieri, allura l-ħtiġijiet taċ-ċittadini tagħna qegħdin kuljum jevolvu bil-mod li irridu nitkellmu iżjed fuq kwalità tal-ħajja aħjar,” tenna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Tenna li rridu naraw kif dan it-tkabbir ekonomiku qiegħed jasal għand in-nies u huwa importanti wkoll li nitkellmu mhux biss fuq il-ħtieġa imma l-kontribut li qegħdin jagħtu l-ħaddiema barranin.

Is-Sur Bugeja rrefera wkoll għat-tibdil li qed isir fid-dinja tax-xogħol u kien hawn fejn semma l-proposta tal-GWU dwar is-sħubija awtomatika fi trejdunjin tal-għażla tal-individwu għaliex għad hemm każi ta’ abbużi u sfruttament ta’ ħaddiema. 

Jorbot ma’ dan kollu huwa t-tħabbira li saret fil-jiem li għaddew u li bħala GWU se jkunu qegħdin jipparteċipaw b’mod attiv fiha, dik dwar it-tnedija tal-proċess li se jiddefinixxi l-viżjoni ta’ Malta 2050. 

“Imxejna ħafna bħala pajjiż, imma jmiss qabża fil-kwalità u rridu naraw issa fejn se nieħdu l-pajjiż tagħna. Biex flimkien insawru futur għalina u għal uliedna u fejn irridu nieħdu l-pajjiż,” temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU. 

Ekonomija

Sport