Hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni b’rabta mal-qtil doppju fil-Marsa, xehdu żewġt immigranti dwar kif l-allegat aggressur ta’ sikwit kien ikollu xi jgħid ma’ sid ir-razzett.
Dan jikkonferma rapport ta’ dan il-ġurnal minn fuq il-post tad-delitt dakinhar tal-15 t’Ottubru.
Faisal Iddrisu, ir-raġel ta’ 34 sena mill-Ghana li jinsab mixli bil-qtil ta’ Joe Bartolo, ta’ 73 sena, u s-sieħba tiegħu Carmen Abela, li kellha 56 sena.
Iż-żewġ immigranti min-Niġerja li xehdu llum, Koro Vigaros u Christian Odola, qalu li huma kienu jgħixu fl-istess post.
Filwaqt li l-ewwel wieħed xehed kif Bartolo darba kien talab lil Faisal biex jieħu flusu lura u jitlaqlu ’l barra minn ħwejġu, Odola xehed li meta Bartolo kien ikun rieqed, Faisal kien jidħol mingħajr ma jħallas.
Xehdu wkoll is-Surġenti Damian Caruana u Sarah Jane Ellul, li kienu fost il-pulizija li dakinhar tad-delitt marru fuq il-post. Is-Surġent Caruana xehed kif l-akkużat ipprova jaħrab minn fuq il-post imma kien miżmum. Xehed ukoll dwar is-sejba tal-imqass kbir li nstab fuq il-post. Min-naħa tagħha, is-Surġent Ellul iddeskriviet ix-xena fejn kien hemm il-vittmi u anke li kien hemm persuni oħra li kellhom xi ġrieħi viżibbli.
Il-kumpilazzjoni se tkompli tinstema’ fis-27 ta’ Diċembru.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa’ mill-Avukati Kaylie Bonett u Ramon Bonett Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Kurt Zahra u Wayne Camilleri.
Għal Faisal qed jidhru l-Avukati Joe Brincat u Julia Micallef Stafrace waqt li l-Avukati Franco Debono u Jason Azzopardi qed jidhru parte civile għall-familjari tal-vittmi.