Saturday, April 27, 2024

Immultat €1,500 wara li impjega Iżraeljana bħala gwida bla permess biex taħdem f’Malta

Aqra wkoll

Kevin Zammit Briffa ta’ 59 sena residenti s-Swieqi ġie mmultat €1,500 wara li nstab ħati li f’Ġunju tal-2012 impjega illegalment Iżraeljana bħala gwida turisitika mal-kumpanija Captain Morgan Cruises. Minn dak ippreżentat fil-Qorti rriżulta li Lihi Ziv ma kellix permess biex taħdem f’pajjiżna.

Kien fl-2016 meta l-akkużat kien instab ħati mill-Ewwel Qorti, iżda hu kien appella mis-sentenza.

Il-Prosekuzzjoni qalet li Lihi Ziv kienet ġiet arrestata wara li kienet instabet taħdem illegalment mal-kumpanija Supreme Travel. Mill-provi mressqa rriżulta li l-mara kienet qiegħda taħdem bħala gwida turistika ma’ gruppi ta’ turisti Iżrealjani li jkunu qegħdin iżuru pajjiżna kif ukoll kienet tagħmel xogħol ta’ interpretu mal-istess kumpanija.

Fil-Qorti l-mara qalet li Zammit Briffa kien iħallasha personalment €600 fix-xahar u kien jagħtiha 10 fil-mija mill-pakketti ta’ eskurssjonijiet li kienet tbiegħ lit-turisti u benefiċċji oħrajn.

Fix-xhieda tiegħu l-akkużat kien qal li kienet aġenzija barranija li bagħtet lil-mara biex tieħu ħsieb lit-turisti tagħha meta jkunu fi żjara f’pajjiżna. Qal li hi qatt ma kienet imniżżla fuq il-kotba tax-xogħol tagħhom. Xehed li kienu bdew iħallsuha u jagħtuha commission sakemm jiddeċiedu kinitx tajba għax-xogħol u li kienet magħhom bħala prova.

Fis-sentenza tal-Ewwel Qorti, il-Maġistrat Josette Demicoli kienet qalet li qatt ma tista’ taċċetta l-argument tad-difiża li l-akkużat ma kellux kariga ta’ rappreżentant legali tal-kumpanija. Qalet li Zammit Briffa bħala General Manager ma kienx ħa l-prekawzjonijiet kollha biex dan ir-reat ma jitwettaqx mill-kumpanija minkejja li kien jaf li l-mara ma kellhiex il-permessi neċessarji biex taħdem f’Malta.

Imbgħad fis-sentenza tal-Qorti tal-Appell, ġie kkonsidrat li l-akkużat kien qal li sa fejn jaf hu Lihi Ziv ma ntalbitx biex tmur taħdem mas-soċjetà Captain Morgan Cruises u li kien intiż li l-persuna tipparteċipa f’perċentaġġ tad-dħul derivanti mit-turisti sakemm tkun f’pożizzjoni li tista’ tirreġistra dħul.

Il-Qorti tal-Appell qalet li ladarba Zammit Briffa huma l-General Manager tal-kumpanija, għandhom jerfa’ r-resposabbilità għal dan ir-reat. Qalet li kien jaf żgur li ma tistax tipprovdi karozza, tħallas ta’ xogħol, tipprovdi residenza u anke ikel u fl-istess ħin tgħid li ma kinitx taħdem miegħek. L-Imħallef Neville Camilleri fis-sentenza tal-Qorti tal-Appell qal li lanqas hi skuża li l-kumpanija kienet qed tara x’tip ta’ persuna hi qabel tieħu deċiżjoni dwarha. Kien għalhekk li l-Qorti ma laqgħetx l-appell u kkonfermat is-sentenza tal-Ewwel Qorti.

Sport