Friday, May 10, 2024

Jinstabu l-fdalijiet ta’ ħelikopter li għeb lejliet l-Ewwel tas-Sena

Aqra wkoll

Fdalijiet ta’ ħelikopter li sparixxa lejlet l-Ewwel tas-Sena nstabu fil-foresti tropikali tal-Brażil kważi ġimagħtejn wara li seħħ l-inċident. L-erba’ persuni li kienu abbord il-ħelikopter Robinson R44 kienu kkonfermati li mietu wara li nstabu l-fdalijiet il-Ġmgħa filgħodu.

Il-katavri ta’ Luciana Rodzewics ta’ 45 sena, Letícia Ayumi Rodzewics Sakumoto ta’ 20 sena, Raphael Torres ta’ 41 sena u Cassiano Tete Teodoro ta’ 44 sena ġew irkuprati mit-tifrik. Il-Ħadd saru tliet funerali separati għall-erba’ vittmi f’São Paulo.

Is-sit fejn ikkraxxja l-ħelikopter intlemħu minn ħelikopter tal-pulizija f’foresta tropikali densa f’Paraibuna, il-Brażil, ftit inqas minn 7 mili minn fejn il-bdot kellu jagħmel inżul ta’ emerġenza waqt it-titjira.

Is-sit tal-kraxx jinsab 62 mil bogħod mill-Ajruport ta’ Campo de Marte f’São Paulo mnejn telaq il-ħelikopter, u 26 mil mid-destinazzjoni tiegħu lejn il-gżira ta’ Ilhabela.

Ritratti tas-sit tal-ħabta juru li l-ħelikopter inqered kompletament u l-fergħa tal-investigazzjoni tal-inċidenti tal-Forza tal-Ajru Brażiljana għadha qed tipprova tara x’ikkawża l-ħabta. Il-fdalijiet instabu wara aktar minn 135 siegħa ta’ titjiriet ta’ tfittxija li koprew żona ta’ 5,000 kilkometri kwadri.

Waħda mill-vittmi kienet bagħtet lill-għarus tagħha messaġġ li fih qaltlu li kienu għamlu inżul ta’ emerġenza ‘f’nofs il-foresta’. Iktar tard bagħtitlu filmat juri lil ħelikopter jiddevja lejn destinazzjoni oħra fuq il-kontinent minflok lejn il-post fejn suppost kellhom imorru f’Ilhabela.
Minn investigazzjonijiet li saru dwar dan l-inċident rriżulta li l-bdot Cassiano Tete Teodoro darba kien ipprojbit milli jtir għal sentejn.

Skont Anac – l-awtorità tal-avjazzjoni ċivili tal-Brażil – Cassiano kien evada l-ispezzjonijiet, għamel pjanijiet ta’ titjiriet frawdolenti u kien ukoll involut fit-trasport bl-ajru klandestin.

Sport