Saturday, October 5, 2024

Immultat €2,000 talli weġġa’ raġel u qaċċat 7 siġriet f’inċident tat-traffiku

Aqra wkoll

Karol Grech ta’ 32 sena ġie mmultat €2,000 wara li nstab ħati li f’inċident tat-traffiku weġġa’ raġel kif ukoll qaċċat 7 siġriet. Ir-raġel vittma f’dan l-inċident kien għamel żmien fil-periklu tal-mewt.

L-inċident kien seħħ fil-21 ta’ Marzu tal-2015 meta għall-ħabta tad-9.00pm fi Triq tal-Barrani f’Ħal Tarxiex, Grech saq karozza bi traskuraġni u kkaġuna ġrieħi gravi lil raġel u ġrieħi ħfief lil żewġ nisa.

Quddiem il-Maġistrat Simone Grech il-Prosekuzzjoni qalet li Karol Grech kien qiegħed isuq karozza tal-għamla Honda, filwaqt li fl-inċident kien hemm involuti wkoll karozza Opel misjuqa minn raġel li sofra ġrieħi gravi u Toyota misjuqa minn raġel barrani.

Fis-sentenza tagħha l-Maġistrat Grech qalet li l-inċident seħħ minħaba żewġ fatturi. Il-Manuvra li għamel is-sewwieq tat-Toyota u l-veloċità eċċessiva tal-karozza misjuqa mill-akkużat.

Il-Maġistrat Grech ma sabitux ħati li kkaġuna ġrieħi lil żewġ nisa fejn irrimarkat li għalkemm waħda qalet li kienet tqila u korriet minħabba l-inċident sostniet li ma ġiex pruvat li dan seħħ minħabba l-inċident.

Iżda sabet lil Grech ħati li kkaġuna ġrieħi gravi lis-sewwieq tal-Opel, li qaċċat is-siġar u li saq b’veloċità eċċessiva. Apparti l-multa skwalifikatlu l-liċenzja għal 6 xhur.

Sport