Monday, May 6, 2024

“Wettaqt dik li sa ħames snin ilu kienet ħolma”

Kundizzjoni f’għajnejh ma taqtagħlux qalbu li jikber fil-fotografija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ma kinitx faċli għalija biex inniżżilha li meta kont qbadt nikber skoprejt fil-karriera tiegħi kien se jkolli nbiddel ftit it-triq minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Illum qisni drajt imma fil-verità naf li l-kundizzjoni se tibqa’ hemm”. Iddikjara dan il-fotografu żagħżugħ Matthias Brancaleone meta mitkellem minn dan il-ġurnal dwar il-karriera tiegħu bħala fotografu professjonali. Dan wara li fl-aħħar ġimgħat huwa kellu l-opportunità li jkun fost fotografi rinomati waqt logħob tal-klabb ta’ Milan.

Brancaleone qalilna li huwa kien student tal-MCAST fuq media u aktar kien iffukat fuq vidjografija. Beda jagħmel xi xogħol lil Rowen Muscat biex jippromwovi l-paġni tiegħu tal-midja soċjali. Minn hemm Muscat kien avviċinah biex jagħmel xi xogħol lit-tim ta’ Valletta FC.

Ġara li fi ftit żmien skopra li kellu kundizzjoni f’għajnejh u kellu jieħu deċiżjoni xejn faċli li jieqaf jiffilmja. Dan minħabba li wara ċertu ħin jiġbed il-filmati kien jispiċċa b’uġigħ kbir f’għajnejh u kien jispiċċa l-Isptar.

Iż-żagħżugħ qalilna li din il-kundizzjoni twasslu biex f’xi mumenti xi vini f’għajnejh jilleakjaw xi demm u dan kollu jseħħ għall-għarrieda bla ebda forma ta’ kontroll.

Mistoqsi dwar kemm kienet ħasda għalih li jiskopri din il-kundizzjoni huwa qalilna li għalkemm ovjament sakemm tifhem jew almenu xi ħadd jispjegalek x’għandek kien xokk kbir. Kien mar l-isptar Mater Dei u beda jieħu xi injezzjonijiet li jgħinu biex jitneħħa dak id-demm. Huwa kompla biex jgħidilna li huwa konxju wkoll li minkejja li fl-aħħar jiem ħa t-13-il injezzjoni, din hija biss kura biex ma tkomplix tiddeterjora l-vista tiegħu.
“Jekk tgħidli taffettwakx waqt ix-xogħol ngħidlek li jekk id-demm joħrog fiċ-ċentru tal-vista ovjament taffetwani ħafna peress li jien fotografu però jekk toħroġ fil-ġnubijiet ma tantx taffetwani”, kompla biex jgħidilna ż-żagħżugħ ta’ 26 sena filwaqt li qalilna dwar kif kien ħa d-deċiżjoni li jaqleb għall-fotografija.

Qalilna li għalkemm kien jiġbed ħafna dixxiplini sportivi, il-futbol dejjem kien għal qalbu u beda jieħu xi ritratti lill-plejers tal-klabb ta’ Ħamrun u l-plejers bdew jitolbuhomlu u jxerrrduhom.

Minn hemm kompla jesperimenta bl-esperjenza li kellu ma’ klabbs kbar fl-ogħla diviżjoni ta’ pajjiżna u jadatta l-kunċett mal-klabb ta’ Santa Venera bħala Segretarju tal-klabb.

“Kienet intleqgħet tajjeb ħafna dik tas-social media ta’ klabb li huwa relattivament iżgħar u kellni saħansitra rispons mill-Malta Football Association”, kompla biex jgħidilna Brancaleone.

Minbarra l-futbol kien jagħti l-kontribut tiegħu f’attivitajiet fuq bażi volontarju anke ma’ għaqdiet li jgħinu persuni inqas ixxurtjati. Barra minn hekk huwa qalilna li quddiem in-negattività tal-kundizzjoni tiegħu huwa jara l-pożittiv li kunjomu mhuwiex daqstant komuni, anzi llum jazzarda jgħid li waħdiet huma dawk li jsejħulu Matthias għax kunjomu jinqabad mill-ewwel u dik għenitu ħafna meta beda jxerred ir-ritratti tiegħu fuq il-midja soċjali.

“Dejjem kelli x-xewqa li mmur Milan. L-iskola kont ngħidilhom li rrid immur niġbed waqt il-logħob. Kien hemm ħafna li kienu jarawha bħala xi ħaġa impossibbli u oħrajn li għalkemm kellhom dak il-ħsieb kienu jgħiduli biex nipprova”, kompla jgħidilna.

Fl-aħħar xhur kien sab l-għajnuna mingħand Sandro Micallef mill-Għaqda Ġurnalisti Maltin li ssuġġerielu biex japplika mas-Seria A. Brancaleone qalilna li kien applika f’Diċembru biex imur Milan – Monza, l-għada t’għeluq sninu li jaħbat fis-16 ta’ Diċembru – l-istess data li fiha ġie mwaqqaf il-klabb ta’ Milan.

Is-Seria A aċċettat l-applikazzjoni imma qalitilhom li kellhom jaċċettaw l-approvazzjoni tal-klabb u sfortunatament ma ġietx aċċettata minnhom. Ma qatgħax qalbu u reġa’ applika għal-logħba Milan – Napoli li ġiet aċċettata.

“Mhux faċli meta tieħu xogħol ta’ plejers ta’ dak il-livell. Li kont noħlom li nagħmel ħames snin ilu sar realtà u għalkemm mhux faċli fl-aħħar jiem gowler minn tal-klabb għamel like fuq ir-ritratti tiegħi. Pruvajt nagħmel kuntatt magħhom imma mhux faċli”, kompla jgħidilna Brancaleone.

Wara l-logħba ta’ Napoli rnexxielu jmur jiġbed lil Milan kontra Slavia Praha fil-kompetizzjoni tal-Europa League. Hawnhekk staqsejnieh jekk huwiex qiegħed jagħmel xi forma ta’ qligħ minn dawn ir-ritratti, huwa qalilna li fil-bidu iebsa ħafna. Qalilna li għaddej b’kuntatti ma’ aġenziji tar-ritratti biex ibigħ ir-ritratti. Qed jipprova wkoll jagħmel kuntatt ma’ kumpaniji lokali biex mar-ritratti jagħmel il-logo tagħhom u jagħtuh xi forma ta’ sponsor fejn mar-ritratti jkun qed jinxtered l-isem tal-kumpanija tagħhom. Barra minn hekk hemm sapporters Maltin tal-istess klabb li jitolbuh ritratti biex jużawhom biex jiffirmawlhom il-plejers meta jiltaqgħu magħhom.

Mitlub jidentifika d-differenza bejn tipi differenti ta’ ritratti, iż-żagħżugħ qalilna li filwaqt li hemm fotografi kbar li jaffordjaw ċertu lentijiet jiffukaw fuq l-azzjonijiet f’nofs il-grawnd, xi ilma jtir jew irqaqat oħrajn, hu jiffoka fuq ritratti bil-plejers iħarsu lejh jew xi emozzjonijiet li permezz tar-ritratt innifsu jwassal storja. Infatti l-iktar ritratt għal qalbu jibqa’ dak tal-attakkant ta’ Milan Olivier Giroud mal-lasti.
Dwar il-futur, huwa qalilna li x-xewqa tiegħu hija li jkun fotografu uffiċjali mat-tim nazzjonali Malti biex ikun jista’ jiġbed aktar emozzjonijiet tal-plejers qabel u wara l-logħob li huma biss individwi li jkollhom l-esperjenza li jiġbdu.

Sport