Monday, May 20, 2024

JEKK TASSEW INĦOBBU LIL ULIEDNA GĦALFEJN DAWN IL-PIKI?

Aqra wkoll

Sfortunatament qed ngħixu f’soċjetà fejn l-affarijiet materjali qegħdin jiġu qabel il-valuri tant importanti, dawk ta’ imħabba u rispett. B’konsegwenza dan kollu qed jaffettwa kwalunkwe relazzjoni, inkluż fil-koppji. Qegħdin ukoll ngħixu f’realta’ fejn qed ikollna ħafna relazzjonijiet u żwiġijiet. Iżda allura x’qed jiġri? Konsegwenza t’hekk meta koppja tinfired, l-ulied qed jispiċċaw ibatu minħabba l-pika bejn iż-żewġ ġenituri.

Ġara x’ġara bejn il-ġenituri, nemmnu li kull ġenitur għandu jerfa’ r-responsabbilita’ u jipprovdi għajxien diċenti għal uliedu, kemm minn aspett materjali, kif ukoll minn dak emozzjonali. Nisħqu li dan huwa d-dmir fundamentali għal kull ġenitur u li għalhekk huwa dritt sagrosant għal kull tifel jew tifla.

Għalfejn qed inħambqu dwar dan? Dan il-ġurnal ħass il-ħtieġa li jkompli jindirizza din it-tema, sabiex inqajmu kuxjenza u li din il-pika tittaffa. Li tuża lil uliedek, u saħansitra fil-maġġorparti tal-każi demmek stess, bħala arma biex mingħalik timpika mal-parti l-oħra, mhu xejn għajr detriment emozzjonali fuq ir-relazzjoni tiegħek mal-ulied u fuq l-iżvilupp psikoloġiku tat-tfal.

Quddiem dan kollu ma nistgħux ma nsemmux li l-ħidma tal-Gvern, partikolarment tal-Ministru tal-Ġustizzja, Jonathan Attard, li fl-aħħar ta’ Frar, fil-parlament tefa’ dawl fuq il-Qorti tal-Familja u ħabbar li fi żmien qasir se jitħabbru sett ta’ rakkomandazzjonijiet għal konsultazzjoni pubblika marbutin mal-Qorti tal-Familja.

Riforma bħal din hija importanti sabiex b’hekk ikompli jiġi msaħħaħ dak li se jkun rakkomandat u tingħata opportunità li ssaħħaħ il-Qorti u anki permezz ta’ strutturi speċjalizzati, li jwasslu għal aktar effiċjenza. Ma ninsewx ukoll d-diskors li għamel ilbieraħ il-Prim Minisitru waqt li kien qiegħed jindirizza f’attività politika fil-Qawra fejn saħaq dwar l-importanza ta’ riforma kbira f’dan il-qasam.

Naqblu fuq kollox mal-bżonn ta’ strutturi li jixħtu l-ilma fuq in-nar u mhux ħatab bil-konsegwenza ta’ aktar ħsara f’dawn is-sitwazzjonijiet. Nemmnu li jekk din ir-riforma tasal tindirizza dak li verament huwa ta’ għawġ għall-familji f’dawn is-sitwazzjonijiet, l-istrutturi li jinħolqu jistgħu jkunu l-pass fid-direzzjoni t-tajba biex innaqqsu t-temperatura minflok nħalluha teskala bħalma sfortunatament tħalla jiġri fil-passat.

Għajnuna teżisti iżda jeħtieġ li minbarra r-riformi kontinwi minn dan il-gvern, ikun hemm ir-rieda tal-ġenituri li jgħinu biex sitwazzjonijiet ma jeskalawx bla bżonn u jħarsu dak li huwa verament l-aħjar interess t’uliedhom. Tajjeb li dawn iżommu f’moħħhom illi l-ulied diġà jkollhom ferità meta ir-relazzjoni bejn il-ġenituri tagħhom tispiċċa. Għalhekk, ikun iżjed ta’ benefiċċju jekk tinħoloq koperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet konċernati milli nkomplu nitfgħulhom iżjed melħ fuq il-ġerħa.

Sport