Immultat €3,700 talli nstab ħati li saq taħt l-effett tal-alkoħol

Aqra wkoll

Raġel ġie mmultat €3,700 wara li nstab ħati li saq taħt l-effett tal-alkoħol, ħabat f’vettura fil-Kalkara u spiċċa daħal f’garaxx, fejn kisser il-bieb u kkawża ħsarat f’diversi karozzi u muturi.

Joseph Cini kien mixli li fl-20 ta’ Ottubru 2024, għall-ħabta tal-10.45 p.m., fi Triq Santu Rokku, saq b’mod traskurat u perikoluż, kif ukoll li kien qed isuq fis-sakra.

Fost l-akkużi l-oħra kien hemm li rrifjuta li jagħmel xi testijiet mitluba mill-Pulizia, li naqas milli jirrapporta l-inċident u li kkawża ħsarat f’diversi vetturi. 

Mill-provi mressqa fil-Qorti rriżulta li l-karozza li kien qed isuq Cini laqtet karozza oħra fit-triq, iżda minflok waqaf, kompla jsuq u spiċċa daħal f’garaxx. Konsegwenza tal-ħabta, huwa kisser il-bieb tal-garaxx u laqat żewġ karozzi u żewġ muturi li kienu pparkjati ġewwa.

Surġent tal-Pulizija li kien fuq il-post xehed li Cini allegatament kellu riħa qawwija ta’ xorb u li ma kkoperax mal-Pulizija. Min-naħa tiegħu, l-akkużat spjega li fiż-żmien tal-inċident kien għaddej minn perjodu diffiċli f’ħajtu. 

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Antione Agius Bonnici qal li, minkejja li seta’ jifhem id-diffikultajiet li kien għaddej minnhom Cini, dawn ma kinux biżżejjed biex jeħilsuh mir-responsabbiltà għall-aġir tiegħu. 

Il-Qorti qieset ukoll li Cini kien ikkoopera mal-vittmi u ħallas lura l-ispejjeż tal-ħsarat li kkawża.

Cini nstab ħati tal-akkużi kollha. Minbarra l-multa ta’ €3,700, il-Qorti skwalifikatlu l-liċenzji tas-sewqan għal perjodu ta’ 12-il xahar u naqqsitlu 10 punti mil-liċenzja.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport