Wara tliet snin ta’ gwerra reġjonali li wasslet għal firdiet kbar fl-istat ta’ Iżrael, l-elezzjoni ġenerali li se ssir illum it-Tlieta qed tpoġġi dell fuq pajjiż li huwa mifrud u maqsum ħafna anki jekk huwa lest għal din il-battalja elettorali.
Stħarriġ tal-opinjoni pubblika ippubblikat nhar il-Ġmgħa juri li l-koalizzjoni fil-gvern tal-lemin u l-blokk ewlieni tal-oppożizzjoni jinsabu kważi ras imb’ras. F’din l-elezzjoni mistennija jivvutaw għall-ewwel darba nofs miljun persuna, filwaqt li madwar 70,000 Iżraeljan huma rrappurtati li vvjaġġaw lura minn barra l-pajjiż apposta biex jivvutaw.
Is-Sibt filgħaxija, folol kbar ta’ nies votanti tal-oppożizzjoni nġabru fiċ-ċentru ta’ Tel Aviv jgħajtu u jitolbu bidla fil-gvern, tant li xi wħud għajtu wkoll favur il-paċi, is-sigurtà, it-tmiem tal-korruzzjon u t-tneħħija tal-fanatiċi reliġjużi.
Din il-kampanja ngħatat spinta ġdida permezz ta’ tattiċi ġodda fosthom vidjows maħluqin bl-intelliġenza artifiċjali li huma mfassla biex jiġbdu l-attenzjoni tan-nies kif ukoll il-preżentazzjoni ta’ Gadi Eisenkot, wiċċ ġdid f’din l-elezzjoni.
Eisenkot forsi mhuwiex il-persuna li wieħed kien jistenna li jisfida l-istil ta’ Benjamin Netanyahu, il-Prim Ministru attwali ta’ Iżrael li dam l-itwal żmien fil-kariga ta prim ministru.
Relattivament ġdid fil-politika u b’għeruq fil-klassi ħaddiema ta’ oriġini Marokkina, Eisenkot huwa eks Kap militari, magħruf għall-kalma tiegħu u għall-mod kif jevita d-drama. Xi wħud saħansitra ddeskrivewh bħala li “mhux politiku”.
Madankollu, hu u l-partit ċentrista tiegħu, Yashar, f’diversi stħarriġiet riċenti – inkluż wieħed ippubblikat nhar il-Ġmgħa – irnexxielhom jaqbżu lil Netanyahu u lill-partit tiegħu, il-Likud, u jieħdu l-ewwel post.
Il-politika Iżraeljana hija inqas kwistjoni ta’ partit wieħed li jirbaħ il-poter, u aktar arti ta’ kif tinbena koalizzjoni, iżda peress li r-riżultat previst huwa tant bilanċjat li diffiċli tbassar min se jirbaħ, il-profil dejjem jikber ta’ Eisenkot jagħmel it-tiġrija aktar intensa – tiġrija li ħafna Iżraeljani diġà jqisuha bħala waħda eżistenzjali għall-futur ta’ pajjiżhom.
L-appell ta’ Eisenkot spiss jiġi attribwit għall-mod ta’ kif iġib ruħu u għall-profil personali tiegħu. Huwa raġel militari li jitkellem b’leħen baxx, li ibnu nqatel matul il-Gwerra ta’ Gaża, u ppreżenta lilu nnifsu bħala xi ħadd li ġej “mill-periferija”, u mhux mill-elite urbana sinjura ta’ Iżrael.
L-isfond Marokkin tiegħu spiċċa fl-aħbarijiet elettorali aktar kmieni dan ix-xahar, meta kelliem tal-lemin favur Netanyahu uża terminu razzist biex jirreferi għal Eisenkot waqt dibattitu televiżiv, fejn sejjaħlu “xadina” Marokkina.
Stħarriġ jindika li inqas minn 10% tal-Iżraeljani għadhom ma ddeċidewx, u li ftit ħafna minn dawn qed jikkunsidraw li jibdlu l-lealtà politika tagħhom bejn il-partiti fil-gvern u dawk tal-oppożizzjoni.
Ben Gvir, il-Ministru estrem tas-Sigurtà Nazzjonali fil-koalizzjoni ta’ Netanyahu, qed jipprova jilħaq votanti iżgħar permezz ta’ kampanji fuq il-midja soċjali li jiġbdu ħafna l-attenzjoni.
Stħarriġ li sar għal waħda mill-gazzetti ewlenin f’Iżrael, Yedioth Ahronoth, ippubblikat fid-9 ta’ Ottubru, wera li aktar minn 16% ta’ dawk li se jivvutaw għall-ewwel darba f’Iżrael jagħżlu partiti tal-lemin estrem, bħal dak ta’ Ben Gvir.




