Malta tinsab fost l-aqwa ħames pajjiżi fid-dinja fejn wieħed jista’ jgħix matul l-2026. Dan skont klassifika ġdida ppubblikata mis-sit Nomad Capitalist. L-istudju analizza 63 destinazzjoni differenti sabiex jevalwa l-attrazzjoni tagħhom bħala postijiet fejn wieħed jista’ jgħix.
Skont ir-riżultati, Malta kklassifikat fir-raba’ post b’total ta’ 72.11-il punt minn 100. Qabilha kklassifikaw Monaco, Andorra u l-Emirati Għarab Magħquda, filwaqt li l-Portugall jinsab fill-ħames post.
Wieħed mill-elementi li kkontribwixxa għal dan ir-riżultat kien il-faċilità biex persuna tikseb residenza u aċċess għall-pajjiż. F’dan il-qasam, Malta kisbet 95 punt minn 100, l-ogħla marka fost id-destinazzjonijiet kollha eżaminati. Dan ir-riżultat huwa marbut, fost fatturi oħra, mal-punteġġ tal-passaport Malti u mal-għażliet disponibbli għal min ikun qed ifittex li jirrisjedi legalment fil-pajjiż.
L-evalwazzjoni saret fuq ħames oqsma ewlenin li jinkludu l-ambjent naturali u l-klima, is-sistema tat-taxxa, il-faċilità biex wieħed jistabbilixxi ruħu legalment, is-sigurtà u l-libertà, kif ukoll il-kwalità tal-ħajja u l-infrastruttura.
B’dan ir-riżultat, Malta qed tidher fost id-destinazzjonijiet li kisbu klassifikazzjoni għolja f’dan l-indiċi internazzjonali għall-2026.
