Friday, May 3, 2024

Immultat wara li ammetta li ta fastidju lill-Ministru Miriam Dalli

Aqra wkoll

Lee Borg ta’ 32 sena miż-Żurrieq ġie mmultat €5,000 wara li ammetta li ffastidja lill-Ministru Miriam Dalli.

Hu ammetta quddiem il-Maġistrat Monica Vella li fid-9 ta’ Settembru tal-2022, kif ukoll fil-jiem u ġimgħat ta’ qabel, ta fastidju lill-Ministru Dalli u għamel użu mhux xieraq ta’ apparat tal-komunikazzjoni.

Il-Pulizija kienu rċivew rapport mingħand il-Ministru Dalli fejn kienet qalet li kienet qed tirċievi diversi kummenti fuq il-paġna tal-midja soċjali minn 3 profili li kellhom l-ismijiet Lee Borg, Joh Nnie u Billy Lee.

Il-Ministru kienet indikat mal-Pulizija li kienet qed taħseb li kien Lee Borg li kien qiegħed jikteb dawn il-messaġġi. Fost il-kummenti li uża kiteb “mara ħadra” u “dittatura” waqt li anke akkużaha li qed toqtol lin-nies bil-ġuħ u anke li tibbulja lill-ħaddiema.

Kien fit-8 ta’ Jannar tal-2023 meta Borg kien imsejjaħ biex imur l-Għassa tar-Rabat fejn hemm ġie interrogat u anke informat li se jittieħdu passi kontrih.

Wara li ammetta l-Maġistrat Monica Vella mmultatu €5,000 u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-Ministru Dalli għal sena.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Roderick Attard waqt li l-Avukat Veronique Dalli dehret għall-Ministru Dalli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport