Tuesday, December 24, 2024

“Imnalla li ma konniex hemm”

Omm Serbjana li tgħix f’Malta taqsam magħna l-ħasda tal-isparaturi fatali fis-Serbja…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Iż-żewġ sparaturi fis-Serbja li fihom inqatlu 18-il persuna, inklużi tmint itfal u ġew feruti 21 oħra, qajmu għadab kbir fost il-poplu Serb tant li wara, eluf ta’ ċittadini ħarġu fit-toroq tal-pajjiż jipprotestaw. Dawn iż-żewġ każijiet ta’ vjolenza sa ċertu punt imissuna minħabba li f’pajjiżna għandna komunità pjuttost kbira ta’ Serbi li jgħixu fostna. Fir-rigward tkellimna ma’ omm ta’ żewġt itfal li twieldu u jattendu l-iskejjel f’pajjiżna. Ix-xokk ta’ din l-aħbar li kien hemm qtil ta’ tfal innoċenti fi skola ma kienx żgħir u din il-mara tistqarr li l-ewwel li għaddhiela minn moħħha kien li “imnalla ma konniex hemm”.

L-għajta tal-poplu Serb fil-protesti li saru fil-pajjiż wara l-isptaraturi li seħħu u anke ta’ dawk fostna, hija kontra l-vjolenza b’armi tan-nar fejn talbu biex il-gvern lokali jieħu passi biex dawn ma jkunux aktar fl-idejn. Il-poplu Serb talab ukoll ir-riżenja ta’ uffiċjali għolja fil-gvern u li jingħalqu l-istazzjonijiet televiżivi u l-ġurnali li jippromwovu tali vjolenza. 

Min-naħa tiegħu, il-President tas-Serbja, Aleksandar Vucic, minflok fehem il-weġgħa ta’ niesu, ikkundanna dawn il-protesti u akkuża lill-Oppożizzjoni li qegħdin jużaw din it-traġedja għall-iskopijiet politiċi tagħhom. 

Vucic tant huwa konvint mill-pożizzjoni li ħa li qal li lest jagħmel reshuffle fil-gvern tiegħu jew saħansitra elezzjoni. Dan meta l-elezzjonijiet tal-parlament li jmiss għandhom isiru fl-2026. Sadanittant, l-għajta tal-popolat hija “irridu skejjel, toroq, villaġġi u bliet siguri għat-tfal kollha”.

Uliedha siguri fi skola primarja f’pajjiżna…

L-omm Serbjana li tkellmet ma’ dan is-sit ilha aktar minn 15-il sena tgħix f’Malta u ż-żewġt itfal tagħha huma fl-istess faxxa ta’ età ta’ dawk l-istudenti vittmi tal-ewwel sparatura. Imwieldin Malta hija stqarret li malli semgħet b’dak li ġara lura f’pajjiżha, irringrazzjat lil Alla li wliedha kienu siguri fi skola primarja f’pajjiżna. Moħħha beda jberren u immedjatament bdiet timmaġina dak li setgħu ħassew il-ġenituri tat-tfal milquta fis-Serbja. 

“Kien hemm kumment ta’ missier minnhom li bintu kienet bilqiegħda post wara tifla oħra li sparalha f’rasha. Fortunatament, din it-tifla ġietha f’moħħha li malajr malajr tinżel taħt il-mejda u wara ħarbet mill-klassi biex tavża lill-għalliema li kien qiegħed iseħħ attakk. Għall-ewwel l-għalliema li sabet ħasbita li qiegħda tiċċajta imma mbagħad irrealizzat li verament kien hemm xi ħadd li fetaħ in-nar. Irrakkonta l-ġenn u kif imbeżża’ t-tfal bdew jaħarbu,” spjegat din is-Serba.

Hija qalet li wieħed biss irid jimmaġina t-trawma li għaddiet u għad trid tkompli ssofri minnha din it-tifla li rat lil dik ta’ quddiema b’ferita f’rasha. “Għadna ma nafux jekk it-tifla li sofriet il-ġrieħi hiex ħajja jew le imma dik it-tifla li rat iseħħ dan kollu quddiemha, żgur li se ġġorr dan it-terrur ħajjitha kollha u trid tara kif se tiġġielidha. Mhux faċli,” insitiet din l-omm.

Vidjow games, armi fl-idejn u l-gwerra…

L-omm mis-Serbja li tgħix f’Malta qaltilna li onestament hija qatt m’għadditilha minn moħħha li t-tfajjel ta’ 13-il sena tal-ewwel sparatura, jista’ jasal għal dan l-att tant vjolenti. Fl-opinjoni tagħha jista’ jkun li ġie affettwat mill-vidjow games iżda mhux biss. “L-influwenza tal-video games tidher mill-fatt li sabulu pjan iddettaljat ta’ kif inhi mqassma l-iskola, ħaseb minn qabel u niżżel kif se jidħol, kif ukoll x’għandu jagħmel,” kompliet din is-Serbjana. 

Hija qalet li aktar minnhekk, l-agressur kellu l-armi fid-dar u missieru kien jgħallmu jispara. Mistoqsija jekk taħsibx li minħabba li seħħ it-tieni attakk ta’ sparatura fuq nies innoċenti, hemmx periklu li persuni oħra jikkupjaw dan l-aġir vjolenti, min-naħa tagħha stqarret ma twarrabx din il-possibbiltà. Mistoqsija sussegwenti awtomatika li għamilnielha kienet dik li jekk tirritorna tgħix f’pajjiżha, tħossx li huwa sigur li tibgħat lil uliedha l-iskola. Hawn qalet li, “għalissa s-sitwazzjoni f’pajjiżi mhiex waħda sigura”.

Hija li trabbiet fis-Serbja iżda qiegħda trabbi lil uliedha lokalment qaltilna li f’Malta żgur hawn aktar sigurtà u dan japplika anke fl-iskejjel. Spjegat li, “is-sempliċi fatt li jiċċekkjaw minn jidħol u min jista’ jiġbor lit-tfal mill-iskola diġà juri li hawn ħafna serjetà. Fis-Serbja għandhom membri tas-sigurtà fl-iskejjel imma rajt x’ġara… Qatel lilu l-ewwel għax ipprova jwaqqfu,” kompliet imħassba din l-omm.

L-armi li ħadu fil-gwerra żammewhom…

Kif ikkonfermatilna, fis-Serbja hemm il-problema tal-armi fl-idejn u fir-rigward qaltilna li din is-sitwazzjoni hija kawża tal-gwerra li kellhom lura fis-snin 90 iżda mhux biss. Dan għax fl-Istorja tagħhom, “kellna ħafna gwerer. Dak li ħadu żammewh fid-djar tagħhom. Hemm minnhom legali imma hemm oħrajn illegali”. Hija li qatt ma żammet arma tan-nar fid-dar tagħha fis-Serbja, imma speċifikat li, però għandha memorji ta’ missierha jitlaq il-familja biex jingħaqad mal-armata. 

Rigward il-fatt li l-poplu Serb fil-protesti talab riżenji mill-kabinett u azzjoni mill-Gvern, l-opinjoni ta’ din l-immigranta Serba dwar it-tmexxija f’pajjiżha hija allegat li, “il-Gvern huwa diżastru għax korrott. Barra minnhekk ħataf il-mezzi tax-xandir u għandu taħt idejh il-kontroll tagħhom. Allura m’hemmx il-libertà tal-Istampa u tal-espressjoni. Huwa biss l-istazzjon “Priva” li jwassal il-vera aħbarijiet”. 

Meta jkollhom tifel iriduh b’saħħtu u lest biex jiġġieled

Dwar il-korruzzjoni fis-Serbja din l-omm qalet li tant hija mifruxa li “lanqas impjieg ma tista’ ssib jekk ma tkunx fiċ-ċirku ta’ ġewwa. Il-poplu mdejjaq fuq hekk”. Hawn żiedet tgħid li tobgħod u tevita kemm tista’, il-politika mħaddna f’pajjiżha.

Imbagħad hija spjegat li t-talba taċ-ċittadini Serbi biex jitneħħew l-armi mill-idejn mhux faċli li tiġi attwata u dan minħabba li, “il-mentalità hemmhekk hija ftit differenti. Fejn jidħlu l-video games, għandna minnhom anke hawn Malta imma ma jseħħux dawn l-affarijiet. Il-problema fis-Serbja hija li meta jkollhom tifel dan jingħata ħafna fiduċja u responsabbiltajiet li ma jkunx matur biżżejjed biex iġorrhom jew jifhimhom. Dan biex jiftaħru li għandhom tifel b’saħħtu li lest biex jiġġieled u dan anke jekk dan ikun għadu żgħir,” kompliet is-sors.

Min-naħa tagħha hija ma tistax tifhem kif hemm ġenerazzjoni ġdida li lanqas biss jiftakru jew jafu x’inhija gwerra imma xorta waħda telgħu b’mibgħeda kbira lejn persuni minn pajjiżi li fl-imgħoddi kienu fi gwerra magħhom. “Dan meta lanqas biss kienu twieldu. Ma tagħmilx sens,” temmet din l-omm Serbjana.

Ekonomija

Sport