Tuesday, November 12, 2024

Imnedija 5 Skemi ta’ Boroż ta’ Studju b’valur ta’ €2.3 miljun

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Dr Owen Bonnici, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat, Dr Clifton Grima, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Dr Stefan Zrinzo Azzopardi, nedew 5 Skemi ta’ Boroż ta’ Studju b’valur totali ta’ €2.3 miljun.

Il-5 Skemi ta’ Boroż ta’ Studju huma: l-Borża ta’ Studju Endeavour, l-Borża ta’ Studju dwar Edukazzjoni Terzjarja (TESS), il-Borża ta’ Studju tal-Arti, il-Borża ta’ Studju dwar l-iSport u Borża ġdida dwar Studji Veterinarji. B’kollox huma mistennija jibbenefikaw madwar 500 persuna minn dawn il-5 skemi ta’ Boroż ta’ Studju.

Il-Ministru Owen Bonnici sostna li dawn il-5 skemi ta’ boroż ta’ studju huma opportunità tad-deheb biex ħafna studenti jkunu jistgħu jwettqu l-ħolm tagħhom u jkomplu bl-istudji tagħhom. Huwa qal li fl-aħħar mill-aħħar dan huwa investiment li minnu se jgawdi pajjiżna.

Huwa għamel referenza dwar l-iskema l-ġdida ta’ Borża ta’ Studju dwar Studji Veterinarji u saħaq li fuq din l-iskema qed jiġi allokat investiment ġdid ta’ €500,000 minn fondi nazzjonali. Huwa saħaq: “Ilu jinħass li hemm bżonn iżjed għajnuna u assistenza lil studenti li jieħdu korsijiet fil-Mediċina Veterinarja u bis-saħħa ta’ din il-borża ta’ studju qed nagħmlu propju dan. L-impenn tagħna fis-settur edukattiv huwa li nagħmlu dak kollu possibli biex nagħtu l-aqwa opportunitajiet għall-benefiċċju tal-istudenti biex ikollhom l-isbaħ esperjenza fil-formazzjoni tal-edukazzjoni tagħhom. Dan nagħmluh għax nemmnu fil-kapaċitajiet tal-istudenti tagħna u rridu ntuhom l-aqwa esperjenza fis-settur edukattiv.”

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li l-Gvern qed jaħdem b’mod konsistenti għall-promozzjoni tal-isport bħala professjoni u dixxiplina f’Malta. Tant hu hekk li, bejn l-2013 u l-2020, il-gvern qassam total ta’ madwar €850,000 f’boroż ta’ studju fil-qasam sportiv. Is-Segretarju Parlamentari Grima kompla jgħid li permezz ta’ dawn il-boroż ta’ studju, il-gvern, qiegħed ikompli jinkoraġġixxi l-iżvilupp professjonali ta’ dawk kollha nvoluti fl-isport u fl-immaniġjar tal-qasam sportiv. Barra minn hekk, qed ikomplu jiżdiedu il-persuni li jaħdmu fil-qasam sportiv u b’hekk qed tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura sportiva f’pajjiżna.

Is-Segretarju Parlamentari, Stefan Zrinzo Azzopardi, sostna li l-programm Endeavour, ffinanzjat minn Fondi Ewropej, huwa maħsub biex jagħti l-opportunita lil aktar nies biex jispeċjalizzaw fil-qasam li jkunu studjaw. Zrinzo Azzopardi spjega li dan il-proġett għen madwar 1,000 persuna biex ikomplu jistudjaw. Fit-totalita tiegħu dan il-programm se jinvesti 11-il miljun ewro għall-aktar edukazzjoni u taħriġ. Hu stqarr li aktar ma jgħaddi żmien, id-dinja tax-xogħol dejjem qed tevolvi u teħtieġ persuni li jkunu kwalifikati u aġġornati bl-aħħar tagħrif. Infatti, s-Segretarju Parlamentari qal li t-taħriġ, edukazzjoni u speċjalment lifelong learning huma ċ-ċavetta biex l-oqsma tax-xogħol li qed jiżviluppaw u isibu persuni mħarġa li jaddattaw għal bidliet ekonomiċi.

L-iskemi ta’ Boroż ta’ Studju

I) Skema ta’ Borża ta’ Studju dwar Studji Veterinarji

Il-korsijiet li jwasslu għad-Dottorat fil-Mediċina Veterinarja (fil-Livell 7 tal-MQF) s’issa mhumiex disponibbli lokalment. It-tnedija ta’ din l-iskema ġdida ta’ boroż ta’ studju se tippermetti lill-istudenti li jsegwu l-kors għad-Dottorat fil-qasam Veterinarju (fil-Level 7 tal-MQF) biex japplikaw u jingħataw pakkett finanzjarju aktar sodisfaċenti li jkopri t-tul tal-kors kollu sat-tlestija u fl-aħħar mill-aħħar jiggradwaw fil-Mediċina Veterinarja minn Istituzzjoni Rikonoxxuta u b’ċertifikazzjoni fil-livell 7 tal-Qafas Malti għall-Kwalifiki.

II) Skema ta’ Borża ta’ Studju Endeavour

B’kollox qed jiġu allokati €1,000,000 għall-Iskema ta’ Scholarships ta’ Endeavour fl-2020. Din l-iskema tappoġġja edukazzjoni terzjarja ta’ kwalità tajba u tiżgura li s-suq tax-xogħol Malti jiġi fornut b’individwi kwalifikati filwaqt li tiggarantixxi li dawn ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jikkompetu fuq livell internazzjonali. L-iskema hija mmirata biex tappoġġja lil dawk li qed isegwu din it-triq biex jirnexxu kemm fil-livell ta’ edukazzjoni li jiksbu kif ukoll biex jikkontribwixxi b’mod effettiv lejn l-ekonomija.

L-Iskema Endeavour  hi parzjalment iffinanzjata mill-Programm Operazzjonali tal-Unjoni Ewropea II – Politika ta’ Koeżjoni 2014 – 2020.

III) Skema ta’ Borża ta’ Studju TESS

€370,000 minn fondi nazzjonali huma disponibbli għal din l-iskema. TESS hija skema oħra miftuħa għall-istudenti postuniversitarji, fil-livell 7 tal-MQF u fil-livell 8 tal-MQF. L-iskema għandha l-għan li tipprovdi opportunitajiet ta’ finanzjament għall-istudenti sabiex ikunu jistgħu jsegwu programmi ta’ studju ta’edukazzjoni għolja u tinkoraġġixxi lill-istudenti iżidu l-livelli ta’ riċerka akkademika.

IV) Skema ta’ Borża ta’ Studju tal-Arti

Se jitqassmu €330,000 minn fondi nazzjonali permezz tal-Malta Arts Scholarships Scheme. Il-Malta Arts Scholarships Scheme għandha l-għan li tipprovdi aktar opportunitajiet għall-appoġġ lil individwi li għandhom talent eċċezzjonali fil-ħolqien jew il-promozzjoni ta’ professjonisti fl-arti Espressiva. It-teatru, il-mużika, iż-żfin, id-disinn, il-kitba kreattiva, il-film, l-arti viżiva jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom għandhom jingħataw prijorità.

V) Skema ta’ Borża ta’ Studju dwar l-Isport

Qed  isir investiment ta’ €130,000 minn fondi nazzjonali għall-Iskema tal-Isports. L-isports se jkun qed jittieħed fil-livell professjonali u jippromwovi l-iżvilupp ta’ atleti bi prestazzjoni għolja li eventwalment se jirrappreżentaw lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Iż-żieda fl-istatus tal-isport f’Malta mhux biss twassal għal rikonoxximent internazzjonali usa’ b’benefiċċji ekonomiċi pożittivi għall-industrija tat-turiżmu iżda se tinkoraġġixxi wkoll l-prattika regolari tal-isport u l-attività fiżika madwar il-pajjiż li tirriżulta f’titjib ġenerali fis-saħħa u l-benesseri tal-popolazzjoni kollha kemm hi.

Dettalji oħra

L-applikazzjonijiet għall-Iskemi kollha se jkunu miftuħa mit-Tnejn 13 ta’ Lulju.

Wieħed jista’ japplika billi jidħol fuq myscholarship.gov.mt.

Ekonomija

Sport