Friday, April 19, 2024

Imnedija app ġdida li tgħin fil-contact tracing biex jitnaqqas r-riskju tat-tixrid tal-pandemija tal-Covid-19

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn MARIA AZZOPARDI, Ritrtti ROGER AZZOPARDI

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li tnediet App bl-isem ta’ ‘Covid Alert Malta’ li tista’ volontarjament tiġi istallata fuq l-ismart phones u li l-għan tagħha huwa li ssaħħaħ il-proċess manwali li qed isir fir-rigward tal-contact tracing. Huwa ħabbar dan f’konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha kien hemm preżenti s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo.

Din l-App se tgħin biex min b’mod volontarju jniżżilha fuq il-mobile jkun jista’ jiġi notifikat b’mod elettroniku u anonimu jekk ikun qiegħed fil-viċinanżi ta’ xi ħadd ieħor li jkun niżżel l-app u jirriżulta li huwa pożittiv. L-appell huwa biex kulħadd iniżżel din l-app peress li dan jista’ jsir biss jekk iż-żewġ persuni jkollhom l-applikazzjoni installata fuq il-mobile tagħhom. 

Din l-app bdiet tintuża f’dawn l-aħħar ġimgħat f’madwar nofs il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, fejn fost l-oħrajn fil-Finlandja diġà hemm terz tal-popolazzjoni li niżżel l-app u qed jużaha. Il-gvern f’Malta ħa ħsieb li jiżviluppa din l-app b’ħidma bejn tliet entitajiet li huma d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, il-MITA u l-MDIA.

Id-Deputat Prim Ministru assigura li din l-app taħdem b’mod li kompletament jissalvagwardja l-privatezza tal-individwu  u ma jkollix informazzjoni ta’ fejn kien peress li ma taħdimx bil-gps imma biss bil-blue tooth. Din l-app hija disponibbli kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż. Ladarba wieħed iniżżel din l-app, tinġabar ċertu tip ta’ informazzjoni rigward kemm il-persuna kienet ‘il bogħod minn persuna oħra u kemm damu fil-preżenza ta’ xulxin. L-informazzjoni li tkun miġbura b’mod anonimu tibqa’ hemmhekk għal 15-il ġurnata u tmur b’mod awtomatiku.

Huwa qal li l-għan tal-app huwa li jiġu identifikati kemm jista’ jkun in-nies li ġew esposti għall-virus u spjega li

dan il-proċess mhux se jieħu post il-contact tracing manwali li qed jiġi magħmul mid-dipartiment tas-saħħa pubblika, iżda se jkun qed jikkumplimentah. Huwa qal li ma tfissirx li jekk għandek l-app ħa tkun notifikat b’kull min hu pożittiv, għax huwa biss jekk il-persuna pożittiva jkollha l-app ukoll li tkun tista’ tiġi notifikat.

Is-Segretarju Parlamentarigħas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo qal li dan huwa pass importanti fil-ġlieda tal-pandemija u spjega li din hija għodda oħra kif naraw li nużaw it-teknoloġija b’mod iżjed rilevanti. B’dan il-mod, huwa qal li ħadd m’għandu għalfejn jibża’ jagħmel użu minn din l-app għax se tkun qed tgħin biex titwaqqaf il-katina ta’ kif jiġi trażmess il-virus. Huwa temm jgħid li qed narw bis-serjetà kemm Malta diġitali mhix biss slogan imma hija l-identità ġdida li qed nagħtu lis-soċjetà.

Apparti l-appell biex kemm jista’ jkun kulħadd iniżżel din l-app, fl-aħħar nett l-appell jibqa’ biex kulħadd jibqa’ jżomm it-tliet prinċipji fundamentali li huma l-użu tal-maskri, id-distanza soċjali u prattika ta’ iġjene tajba.

Sport