Il-Malta Food Agency se tkun qed torganizza għal darb’oħra ‘Festa Ikel Malti’, li ser tittella’ nhar il-Ħadd, 12 ta’ Ottubru 2025 fil-Pitkalija, Ta’ Qali. Dan l-avveniment, li qed jittella’ wkoll bħala parti mill-attivitajiet relatati mal-Jum Dinji tal-Ikel, sar appuntament annwali fil-kalendarju kulturali u agrikolu ta’ pajjiżna.
Matul il-ġurnata se jkun hemm wirjiet u bejgħ ta’ prodotti lokali, attivitajiet interattivi għat-tfal, mużika u spettaklu għall-familja kollha, kif ukoll esperjenzi tematiċi li jqiegħdu l-ikel Malti fiċ-ċentru tal-identità u tal-kultura tagħna.
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li ‘Festa Ikel Malti’ hija prova ta’ kif l-ikel Malti huwa parti mill-identità u mill-wirt ta’ pajjiżna. “B’Festa Ikel Malti qed niċċelebraw it-tradizzjonijiet tagħna, kif ukoll qed niċċelebraw il-ħidma tal-bdiewa u s-sajjieda li b’tant sagrifiċċji jipprovdulna prodott frisk. Waqt l-avveniment se nenfasizzaw ukoll fuq il-ħidma li qed titwettaq fit-tisħiħ tas-sostenibbiltà tal-katina tal-ikel f’pajjiżna hekk kif qed naffaċċjaw sfidi ġodda bħat-tibdil fil-klima u d-dipendenza fuq l-importazzjonijiet. Billi nagħżlu prodott Malti nkunu qed insaħħu l-ekonomija lokali u nibnu reżiljenza għall-ġejjieni.”
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said sostniet li, “Festa Ikel Malti hi ċelebrazzjoni tal-ikel Malti u t-tradizzjonijiet tagħna. Il-ħut, bħala parti mill-kċina Mediterranja, jagħti bosta benefiċċji għas-saħħa. Meta nagħżlu li nieklu ħut lokali, mhux biss inkunu qed nagħmlu għażla tajba għal saħħitna, imma nkunu wkoll qed nappoġġjaw lis-sajjieda tagħna u nżommu ħaj it-tradizzjonijiet Maltin. Festival bħal dan jiċċelebra l-bdiewa, raħħala, sajjieda u produtturi tagħna li bil-ħidma tagħhom jagħtuna l-aqwa prodotti friski matul is-sena kollha.” Hija rringrazzjat lill-Malta Food Agency għall-ħidma tagħhom sabiex dan l-avveniment ikun wieħed ta’ suċċess, u ħeġġet lill-familji sabiex jattendu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Food Agency, Brian Vella, stqarr li “il-missjoni tagħna hija li nħarsu, nippromwovu u niċċelebraw il-produzzjoni tal-ikel lokali. Din il-festa hija riflessjoni ta’ dik il-missjoni għaliex tgħaqqad flimkien lill-bdiewa, lis-sajjieda, lill-produtturi tal-ikel u lill-familji, bil-prodott Malti jkun fiċ-ċentru tal-attività.”
Il-pubbliku huwa mistieden sabiex nhar il-Ħadd, 12 ta’ Ottubru, jattendi Festa Ikel Malti 2025 fil-Pitkalija, Ta’ Qali, bejn l-10:00 ta’ filgħodu u l-17:00 ta’ wara nofsinhar – festa li tħaddan l-ikel, il-kultura u l-komunità Maltija.