Wednesday, July 24, 2024

Imnedija għall-konsultazzjoni pubblika l-Istrateġija l-ġdida għall-Edukazzjoni 2024-2030

Aqra wkoll

Wara mitejn laqgħa ta’ konsultazzjoni u djalogu mal-edukaturi, ġenituri, studenti, entitajiet, ministeri oħrajn u laqgħat interni, illum tnieda l-aħħar pass, dik ta’ konsultazzjoni pubblika biex eventwalment tkun imnedija l-Istrateġija l-ġdida għall-Edukazzjoni 2024-2030.

It-tnedija saret mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima fil-Librerija Nazzjonali fil-Belt Valletta. “F’April li għadda nedejna l-ewwel pass, il-bidu ta’ djalogu u konsultazzjoni biex infasslu l-Istrateġija l-ġdida għall-Edukazzjoni 2024-2030. Illum qed inniedu l-aħħar pass ta’ konsultazzjoni: konsultazzjoni pubblika biex tgħalaq ċiklu ta’ laqgħat u konsultazzjonijiet wiesgħa. F’dawn it-tmien xhur għamilna aktar minn 200 laqgħa ta’ konsultazzjoni u djalogu”, spjega l-Ministru Grima. Dan ifisser li l-Ministeru ma’ poġġiex dokument lest għad-diskussjoni, imma beda konsultazzjoni u diskussjoni biex jitfassal dan id-dokument.

Huwa qal li bl-ewwel konsultazzjoni mal-edukaturi bdiet titfassal mill-qiegħ strateġija ġdida għall-Edukazzjoni li se twassal lis-settur edukattiv sas-sena 2030 u ‘l hinn minnha. Dan għaliex l-istrateġija ma tonqosx milli tħares aktar ’il quddiem u għalhekk il-viżjoni ta’ din l-istrateġija tmur lil hinn u tinkludi kif nixtiequ naraw lin-nazzjon tagħna fl-2050.

L-għan huwa li permezz tal-Istrateġija pajjiżna jkollu sistema li tgħin aħjar lill-istudenti kollha jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ filwaqt li jilħqu l-aspirazzjonijiet kollha tagħhom. Strateġija li se tpoġġi lill-persuna fiċ-ċentru. 

“Irridu naraw lit-tfal tagħna jirnexxu u għalhekk qed inġeddu l-impenn tagħna li nagħtu l-aqwa esperjenza edukattiva, edukazzjoni ta’ kwalità. Strateġija li tara li s-sistema edukattiva tagħna taddatta aktar għall-bżonnijiet tat-tfal u mhux bil-kontra. Irridu niżguraw li s-sistema edukattiva tagħna qed tħejji l-istudenti bl-aħjar mod  għad-dinja tax-xogħol. Huwa għalhekk li din l-istrateġija se tittrasforma lis-settur edukattiv”, qal il-Ministru Grima. 

Il-qafas teoretiku tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni 2024-2030 huwa msejjes fuq il-kunċett ta’ trasformazzjoni, proċess li jirrikonoxxi l-kisbiet passati u jibni fuqhom, filwaqt li fl-istess ħin jorjenta ruħu għall-eżiġenzi tal-futur.

L-Istrateġija għandha tliet pilastri ewlenin bil-pilastru ċentrali huwa dak tal-Benesseri, it-tieni pilastru huwa dak tat-Tkabbir u Emanċipazzjoni, u t-tielet pilastru huwa l-Ekwità u Inklużjoni.

Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni Matthew Vella qal, “permezz ta’ 36 miżura u 120 inizjattiva se nkomplu naraw trasformazzjoni fl-edukazzjoni li se tissaportja lill- professjonisti f’dan is-settur, kif ukoll lill-istudenti. Permezz tal-bidla minn inizjattivi għall-programmi, se nkunu qed nassiguraw l-iżvilupp ħolisitku tal-istudenti. Filwaqt li permezz tal-programm Family-Community-School Linkse jgħin lill-familji, jinvolvi lill-komunitajiet u jissaportja l-iskejjel permezz ta’ approċċ integrat.  Irridu li nkomplu bi djalogu mal-partijiet kollha kkonċernati għall-ħidma u kollaborazzjoni flimkien”

Id-dokument tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni 2024-2030 għall-konsultazzjoni pubblika jista’ jiġi aċċessat fis-sit: https://www.gov.mt/en/publicconsultation/Pages/2023/NL-0051-2023.aspx. Hemm ukoll verżjoni għat-tfal li tinstab fis-sit: https://empoweringchildren.gov.mt/national-educational-strategy-2024-2030/

Ekonomija

Sport