Saturday, December 28, 2024

Imnedija “Jazz Assemblea” – sensiela ta’ avvenimenti b’rabta mal-mużika Jazz

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda sensiela ta’ avvenimenti bl-isem ta’ “Jazz Assemblea” li se tinkludi wirja multi-dixxiplinarja, serje ta’ kunċerti live, workshops, u premiere ta’ film ġdid madwar dan il-ġeneru.

L-avvenimenti se jkunu organizzati bejn Settembru u Ottubru ġewwa Spazju Kreattiv, il-Belt Valletta.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li dawn l-avvenimenti huma maħsuba biex jissaħħaħ il-jazz f’Malta u joffru opportunitajiet għall-iżvilupp tal-artisti lokali u l-kreattività.

Saħaq li din l-inizjattiva se tgħin biex tkompli tħeġġeġ l-interess fil-jazz u fl-arti b’mod ġenerali, filwaqt li tkun pjattaforma għall-kollaborazzjoni bejn artisti minn dixxiplini differenti.

Mro. Dominic Galea, Kap Eżekuttiv tal-Agenzija Nazzjonali għall-Arti Performattiva (NAPA) tenna: “Din ser tkun pjattaforma essenzjali għall-mużiċisti Maltin fil-ġeneru tal-jazz u sors ta’ informazzjoni għall-istudenti tal-mużika, billi tagħtihom aċċess għar-ricerka li ser inkunu qed niddokumentaw waqt din il-Jazz Assemblea.”

Daniel Azzopardi, Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv, qal: “Aħna ta’ Spazju Kreattiv kburin li nagħtu sehemna fit-tkattir ta’ proġetti ma’ entitajiet fis-settur kreattiv. Din il-kollaborazzjoni l-ġdida ma’ NAPA hija eżempju ieħor ta’ kif dawn is-sħubijiet iwasslu għal żvilupp ta’ iktar inizjattivi kreattivi eċċitanti, jiffaċilitaw opportunitajiet ta’ valur għal skontri artistiċi, filwaqt li joffru engagement valuable mal-pubbliku aktar wiesa’.”

Il-programm jilħaq il-qofol tiegħu f’avveniment fuq erbat ijiem f’Ottubru, li jiftaħ bil-premiere ta’ dokumentarju dwar il-ħajja u l-karriera tad-drummer u perkussjonista Malti Tony Carr. Il-filmat bijografiku bit-titlu ‘Strait Street to Abbey Road’ huwa produzzjoni ta’ SUGU taħt id-direzzjoni ta’ Cedric Vella, u ser jintwera fiċ-ċinema ta’ Spazju Kreattiv fl-10 ta’ Ottubru.

Il-premiere ser isegwi serje ta’ kunċerti ta’ jazz live fil-11, 12 u 13 ta’ Ottubru, li ser ilaqqa’ flimkien ’il fuq minn 40 mużiċist f’10 atti, inklużi kollegamenti ġodda għall-ewwel darba għal dan il-proġett. Il-kunċerti ser jittellgħu fuq il-palk ta’ Studio B ġewwa Spazju Kreattiv, kull lejla bejn is-6pm u l-10pm. Il-weekend jinkludi wkoll żewġ workshops ta’ mużika, waħda mas-sassafonist Carlo Muscat u ieħor mad-drummer William Smith, kif ukoll preżentazzjoni mill-Little Big Band tal-Malta School of Music, kunċert f’nofsinhar u diskussjoni.

Għall-ewwel edizzjoni ta’ Jazz Assemblea, wirja bit-titlu Kwadretti Jazz tirrakkonta l-istorja tal-bidu tal-Jazz f’Malta, mill-aħħar tat-tletinijiet, u tikkontempla mużiċisti prominenti u bandleaders ta’ dik l-era.

Parti mill-wirja hija ddedikata lis-sassafonist Sammy Murgo, bil-produzzjoni ta’ dokumentarju bijografiku qasir minn SUGU. L-esperjenza ta’ Sammy Murgo tgħaqqad mal-istorja ta’ Tony Carr, il-mużicist li ġie skopert mill-kuratur Ġużè Camilleri, li ħa l-inizjattiva biex jiddokumenta u jispjega l-istorja tal-Jazz f’Malta.

Biljetti għal dawn l-avvenimenti jinsabu minn fuq is-sit www.kreattivita.org.

Jazz Assemblea huwa proġett tal-Aġenzija Nazzjonali għall-Arti Performattiva parti mill-programm ta’ Spazju Kreattiv 2024-2025, f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali.

Ekonomija

Sport