Monday, September 23, 2024

KISBA TA’ NAZZJON LI FUQHA KOMPLEJNA NIBNU

Aqra wkoll

Ilbieraħ pajjiżna fakkar is-60 sena mindu pajjiżna kiseb l-Indipendenza. Ġrajja storika li ma naqsitx li toħloq kontroversji f’pajjiżna. Dak li ġara fl-1964 kien ilu jinħema. Il-ġlieda kienet ilha li bdiet.

Minkejja l-kontroversji marbutin ma’ din il-ġrajja, fosthom dak li l-art xorta baqgħet f’idejn il-Forzi Armati ta’ pajjiż ieħor, li l-qasam tal-Affarijiet Barranin ma
kienx f’idejna fost oħrajn, dan l-avveniment jista’ jitqies bħala l-ewwel pass fil-proċess li ra lill-pajjiżna jinbidel minn pajjiż maħkum mill-barrani għal wieħed ħieles u sovran.

L-istorja ta’ pajjiżna turina li epoka wara epoka Malta u Għawdex kienu maħkuma minn tmexxija barranija li eventwalment bnew il-kultura li qed nħaddnu llum il-ġurnata.

Huwa minnu li fil-perjodu twil li pajjiżna għamel maħkum mill-barrani, iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kienu jħossuhom ta’ klassi inferjuri għall-barranin, iżda huwa minnu wkoll li dan il-perjodu nissel fina tradizzjonijiet u fatturi oħra li llum il-ġurnata qed ingawduhom kif jixraq.

Minkejja kull ħakma barranija li kellna f’pajjiżna, missirijietna dejjem kienu poplu magħqud li meta waslet is-siegħa tal-prova wera li huwa wieħed li ma jibżax jiddefendi l-interess nazzjonali. Meta l-poplu ħassu kkalpestat minn dawk li afda fittmexxija, ma ddejjaq xejn jirribella.

Kelli diversi ġrajjiet ta’ għaqda fost il-poplu tagħna, fosthom fl-Assedju l-Kbir u l-għoti tal-George Cross biex wieħed jirrealizza kemm f’epoki differenti, missirijietna dejjem poġġew l-interess ta’ pajjiżhom fuq quddiem nett tal-aġenda tagħhom anki f’ċirkostanzi fejn ħajjithom tpoġ­ġiet f’riskju.

Niddejjqu u llum naraw li ma’ jagħmilx aktar sens li f’okkażjonijiet bħal dawn naraw l-poplu tagħna mifrud. Min jiftaħar bl-Indipendenza jew ifakkarha u min jgħidlek li dik ma kienet Indipendenza xejn.

Hi ħasra li jkollna partiti, u dan mhux għall-kwistjoni tal-Indipendenza biss, li jħossu li hemm xi festa jew xi ċelebrazzjoni li qisu ngħatat lilhom b’mod divin. Jagħmilha partit u jagħmilha ieħor. Dan hu ħażin. Hu żball li nibqgħu nifirdu bil-festi Nazzjonali.

Dawn huma festi mhux ta’ xi partit jew ieħor. Dawn huma festi tal-poplu. U minħabba dan ma jagħmilx sens li wieħed jipprova jifred ukoll billi jipprova joħloq xi tip ta’ diskussjoni dwar liema mill-festi nazzjonali għandha titqies bħala l-unika festa.

Il-partiġġjaniżmu li daħħalna jew li daħħlu f’moħħ sezzjonijiet tal-poplu dar il-festi pubbliċi mhu xejn għajr kankru li ddaħħal mill-kultura politika partiġġjana li għandna f’pajjiżna. Kultura partiġġjana ta’ naħa kollox tajjeb u ta’ naħa oħra kollox ħażin.

Intennu li kull kisba li saret, inkisbet wara snin ta’ sagrifiċċji. U allura hi ta’ dieqa li f’dan pajjiżna, meta qegħdin fis-sena 2024 nibqgħu naraw partit jiċċelebraw il-festi nazzjonali, meta dawn huma festi tal-pajjiż kollu.

L-Indipendenza hi festa ta’ kulħadd, l-istess kif hi r-Repubblika u l-Ħelsien. Ejja nneħħu l-partiġġjaniżmu li ħakimna u niċċelebraw dawn il-festi bħala poplu wieħed.

U dan irridu nagħmluh għax fostna għad għandna għadu inviżibbli li mhux nitrattawh u minkejja li għaddej iż-żmien xorta qed nibqgħu nħossu l-effett tiegħu. Dan hu l-għadu tal-mentalità kolonjali li għadna maħkumin biha.

Mentalità kolonjali li nsibuha madwarna u kullimkien. Mentalità fejn inwarrbu dak li jagħmilna Maltin, dak li suppost aħna kburin bih, biex nilagħqu dak li hu tal-barranin. Meta verament se nikbru f’dan ilpajjiż?

Meta verament se jkollna sens ta’ kburija u dinjità nazzjonali? U bid-dħul ta’ Malta, fl-Unjoni Ewropea, komplejna aktar nikkuppjaw dak li jsir fl-Ewropa u narmu dak li kellna aħna. Ħarsu ftit lejn is-soċjetà llum u dak li jsawwar u taraw kif dak li kien għażiż għal missirijietna snin twal ilu, tfajnieh fiż-żibel.

Hu veru li l-kolonjaliżmu għadda żmienu, imma l-mentalità kolonjali għadha tirrenja. Inħarsu lejn l-ilsien nazzjonali. Ilsien nazzjonali li missirijietna tqatlu għalih u aħna llum nagħtuh bis-sieq. Ħarsu ftit madwarkom u taraw kif dan l-ilsien qed jingħata daqqa wara l-oħra, u donnu ħadd ma jitkellem.

Kollox jibqa’ għaddej. U nifhmu li fil-ħajja mgħaġġla tal-lum u bl-aljenazzjoni li hawn mhux faċli niġġieldu l-mentalità kolonjali. Nittamaw li xi darba dan il-poplu jinfatam minn dan. Jibda jiftaħar dak li jagħmlu Malti. Jibda jiftaħar bl-istorja tiegħu u b’dak li sawru. Ikun kburi bl-identità nazzjonali. Ikun kburi b’dak li hu Malti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport