Monday, May 13, 2024

Imnedija kampanja nazzjonali għan-neutering tal-qtates

Mal-5,000 qattus se jiġu msewwija kull sena

Aqra wkoll

Tnediet kampanja nazzjonali għat-tiswija u l-iċċippjar tal-qtates fit-triq, b’investiment ta’ €200,000 fis-sena. Din il-kampanja ser tkun qed tindirizza madwar 5000 qattus fis-sena.

Dawn id-dettalji tħabbru mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Din il-kampanja se tqis il-bżonnijiet speċifiċi tal-komunitajiet varji, u l-popolazzjoni ta’ qtates preżenti fiż-żoni differenti. Il-qtates ser jinġabru minn trappers ta’ esperjenza.

L-intervent fuq il-qtates jinkludi wkoll kwalunkwe attenzjoni medika li l-qtates jeħtieġu, kemm qabel kif ukoll wara l-intervent ta’ tiswija. L-annimali sejrin jiġu rilaxxati fil-post fejn jinqabdu, sakemm ma jkunux suġġetti għal periklu għalihom.

Il-Ministru Anton Refalo tenna li l-gvern qed jkompli jinvesti fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali, fejn permezz ta’ din il-kampanja qed titwettaq miżura oħra tal-Budget. Huwa rrefera wkoll għal diversi inizjattivi varji li ġew implimentati, bħall-iskema ta’ vawċers li qed issir b’koperazzjoni mal-feeders u mal-voluntiera fejn din is-sena diġà ġew imsewwija ’l fuq minn elf qattus.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said saħqet li dan l-investiment ser iwassal għal ħidma aktar koordinata, b’viżjoni u bi strateġija komuni, li tilħaq ammont ikbar ta’ annimali li jwassal għal kontroll tal-popolazzjoni tal-qtates fit-triq. Hija kompliet li din il-kampanja se twassal ukoll għal anqas tixrid ta’ mard infettiv fost il-qtates.

Sabiex wieħed jagħmel użu minn dan is-servizz, jista’ jagħmel kuntatt mal-koordinatur permezz tan-numru 22924999 bejn is-7:00 u t-15:00 mit-Tnejn sal-Ġimgħa, jew permezz ta’ email fuq [email protected].

Sport