Hekk kif qed joqrob il-bidu tal-Karnival ta’ Malta 2024, ġiet imnedija l-esebizzjoni ‘Pawlu Curmi ‘Il-Pampalun’: Il-Bniedem, il-Leġġenda’ li qed tittella’ bħala parti mill-programm tal-Karnival 2024 b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta u Spazju Kreattiv.
Din l-esebizzjoni ddedikata lil Pawlu Curmi ‘Il-Pampalun’, ġiet ikkurata u riċerkata mill-istoriku Mario Coleiro u se tħares lejn Pawlu Curmi bħala kompetitur u bħala wieħed li kien jissapportja l-attivitajiet tal-Karnival.
Il-wirja infetħet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, iċ-Chairperson ta’ Festivals Malta Aaron Zahra, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius, id-Direttur Artistiku Jason Busuttil, u l-kuratur tal-esebizzjoni Mario Coleiro. L-esebizzjoni se tkun miftuħa bla ħlas għall-pubbliku mill-1 ta’ Frar u tibqa’ sejra sat-3 ta’ Marzu, kuljum bejn id-9am u d-9pm fl-Atriju ta’ Spazju Kreattiv fil-Belt Valletta.
Il-Ministru Bonnici saħaq li Pawlu Curmi ‘Il-Pampalun’ huwa meqjus minn ħafna bħala missier il-Karnival ta’ Malta u li tejjeb bi kbir il-Karnival. “Pawlu Curmi huwa meqjus bħala artist komplut, għax apparti l-kreattività tiegħu fil-ħolqien tal-karrijiet karnivaleski, huwa wkoll mużiċist u żeffien prim. Kull min għandu l-Karnival u l-kultura għal qalbu, żgur li se japprezza din il-wirja dwar ħajjet il-Pampalun,” sostna l-Ministru Bonnici.
Imwieled fit-12 ta’ Diċembru fis-sena 1930 fil-Belt Valletta, il-Pampalun kien it-12-il wild minn 13 u minn età żgħira wera interess lejn il-Karnival ta’ Malta billi kien jgħin lil missieru Giovanni fil-karrijiet u maskaruni. Minn hemm il-karriera tiegħu fil-karnival kompliet u kibret, billi mess mal-elementi taż-żfin u l-koreografija u ħafna aktar. Lil hinn mill-karnival, il-Pampalun kien bniedem ta’ bosta delizzji, b’karattru li ħalla impatt mhux biss fuq il-komunità tal-Karnival u dik Beltija, imma ħalla legat ikkulurit warajh.
Il-Karnival ta’ Malta se jittella’ mid-9 sat-13 ta’ Frar u qed jiġi organizzat minn Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għal Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta, Spazju Kreattiv, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Kunsill Lokali tal-Furjana, il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun, il-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, GSD Marketing Ltd u Kiabi.