Sunday, December 22, 2024

Imnedija l-ħames edizzjoni tal-Malta Youth Film Festival 2022

Aqra wkoll

Tnediet il-ħames edizzjoni tal-Malta Youth Film Festival 2022 (MYFF), inizjattiva bejn Aġenzija  Żgħażagħ fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja u l-Malta Film Foundation. L-MYFF huwa pjattaforma għal produtturi żgħażagħ tal-films ta’ etajiet bejn 16 u 30 sena biex  jippromwovu ħidmiethom f’dan il-qasam. Produtturi tal-films f’dawn l-etajiet qegħdin ikunu  mistiedna biex jipproduċu films qosra ta’ mhux aktar minn 10 minuti. 

Se jkunu qegħdin jingħataw tmien awards b’kull rebbieħ jingħata trofew. Ir-rebbieħ tal-aktar award  prestiġjuż – Best Picture – jingħata wkoll €500 u l-opportunità li jipparteċipa fin-Nordic Youth Film  Festival 2022 li jsir fin-Norveġja. 

Novità fl-edizzjoni tal-MYFF ta’ din is-sena hija l-MYFF Jumpstart Film Festival. Din hija inizjattiva ġdida bejn Aġenzija Żgħazagħ u d-Dipartiment tal-Media Studies fi ħdan id-Direttorat għal Learning  and Assessment Studies. Permezz ta’ din l-inizjattiva studenti tal-Media Studies (Year 9, 10 u 11) se  jkollhom l-opportunità li jipproduċu film qasir u jikkompetu għal tliet awards – Best Script Creativity  and Originality, Best Cinematography u Best Overall. L-iskejjel rebbieħa jingħataw trofew u voucher għal €300 biex jintużaw f’xiri ta’ apparat. 

It-tnedija ta’ din l-edizzjoni tal-MYFF saret waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata fost  oħrajn mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli. 

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li “din l-inizjattiva hi b’konformità speċifika mal-ħames għan  strateġiku tal-Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ 2021-2030 li nedejna f’Marzu li għadda. Għan li  nissapportjaw programmi varji nazzjonali, proġetti u inizjattivi minn setturi differenti għal żgħażagħ  li jieħdu ħsieb u jippromwovu l-istat ta’ saħħa tajba, kreattività, espressjoni artistika u kulturali, u  innovazzjoni u involviment biex jiġu indirizzati suġġetti globali għal żvilupp sostenibbli. Wieħed  għandu jħares lejn l-inizjattiva MYFF mill-perspettiva li l-produzzjoni tal-films huwa qasam ieħor li  qed joffri sfidi u orizzonti ġodda għaż-żgħażagħ tagħna u li ċertament ikun ħaqqhom kull  inkoraġġiment meta jidħlu għal avventura bħal din.” 

Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li din hi pjattaforma unika li tagħti l-ħiliet meħtieġa  f’industrija tant importanti għall-ekonomija tal-pajjiż.  

Filwaqt li rringrazzjat lill-organizzaturi għall-inizjattiva tagħhom il-Ministru Farrugia Portelli  awgurat li l-MYFF jerġa’ jkun suċċess u jkun xprun ieħor favur ħidma għalenija b’risq iż-żgħażagħ.

Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Parlamentari għall-Isport,  Rikreazzjoni u Organizzazzjonijiet Volontarji. Huwa qal li permezz ta’ dan il-programm, Aġenzija  Żgħażagħ qed tkun valur miżjud fil-ħajja taż-żgħażagħ tagħna. Infatti, matul is-snin dan il-festival  baqa’ jikber u dejjem tiżdied il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, fejn fl-edizzjoni li għaddiet kien hemm  12-il film li ġew innominati. Fl-aħħar nett is-Segretarju Parlamentari Grima rringrazzja lil Aġenzija  Żgħażagħ għax-xogħol siewi li twettaq maż-żgħażagħ u qal li inizjattivi bħal dawn jipprovdu spazji  fejn iż-żgħażagħ jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u fuq kollox jippromwovu l-iżvilupp sħiħ tal persuna.

Ekonomija

Sport