Il-President tal-Ispecial Olympics Malta, Dr Lydia Abela, saħqet li: “Il-mużika hija waħda mill-għodod l-iktar effettivi biex messaġġ jasal b’mod pożittiv u effettiv, u m’hemmx dubju li din id-diska tilħaq dan l-għan”. Dan qalitu waqt it-tnedija tal-kanzunetta uffiċjali tal-Ispecial Olympics Malta, “Going for Gold”.
Il-kanzunetta nkitbet minn żewġ artisti lokali — Ira Losco u Howard Keith, u tkantat minn Losco. Il-lirika tittratta d-determinazzjoni ta’ kull atleta sabiex dawn il-persuni mhux biss jirnexxu fil-ħajja personali tagħhom iżda anke fix-xena sportiva.
Bejn l-14 u t-18 ta’ Mejju li ġej, pajjiżna se jkun qed jospita l-Ispecial Olympics Malta Invitational Games 2022 fejn se jieħdu sehem madwar 1,000 atleta minn 23 pajjiż differenti. Dr Abela nsistiet li dawn il-logħob huma ċelebrazzjoni tal-ħiliet ta’ kulħadd u ħeġġet lill-poplu Malti sabiex jagħti l-appoġġ tiegħu lill-atleti kollha li se jieħdu sehem, b’mod speċjali lill-atleti Maltin.
Losco kellha messaġġ pożittiv lejn l-atleti tal-Ispecial Olympics Malta fejn saħqet li dawn l-atleti mhumiex biss il-protagonisti ta’ dan il-music video, iżda wkoll il-protagonisti waqt l-Ispecial Olympics Malta Invitational Games 2022.
Fi tmiem it-tnedija, Losco ngħatat midalja tad-deheb mingħand Dr Abela b’turija ta’ apprezzament kif ukoll għall-involviment tal-kantanta f’dawn il-logħob.