Tuesday, May 14, 2024

Investiment ta’ €1.6 miljun f’vetturi ġodda għall-Protezzjoni Ċivili

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar sentejn inxtraw 34 vettura ġdida għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD). Stqarr dan il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri f’konferenza stampa li matulha inawgura investiment ieħor fil-Protezzjoni Ċivili li jikkonsisti fi tliet tipi ta’ vetturi ġodda b’investiment ta’ €1.6 miljun. 

Il-Ministru Camilleri spjega li t-tliet vetturi huma: il-‘Heavy Rescue Vehicle’ maħsuba biex tintuża f’inċidenti maġġuri ta’ salvataġġ, il-‘HAZMAT First Response Unit’ li tintuża f’inċidenti fejn ikunu involuti kimika, radjazzjoni jew oġġetti bijoloġiċi u vettura oħra f’każ ta’ nirien li jistgħu jiżviluppaw f’għelieqi jew anke f’ħaxix fost oħrajn.

Il-Ministru Camilleri tenna wkoll li fix-xhur li ġejjin mistenni li jasal ukoll apparat ieħor li diġà huwa ordnat biex il-ħaddiema jagħmlu użu minnu. Huwa tkellem ukoll dwar l-investiment li qed isir fil-ħaddiema fejn spjega li mill-2020 lil hawn, l-investiment fit-taħriġ tagħhom kien ta’ €350,000 li fiż-żmien li ġej mistenni jiżdied b’€150,000 oħra.

Sadanittant, il-Ministru Camilleri għamel referenza għall-ħatra ta’ Emanuel Psaila bħala Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tal-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza. Is-Sur Psaila kien id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. 

“Il-ħatra tiegħu tat sinjal għall-Korpi Dixxiplinati kollha u l-ħaddiema fil-qasam tal-intern, li min jaħdem u jistinka għandu ċ-ċans li jkompli tielgħa fl-iskaluni sabiex tiżdiedlu r-responsabbiltà,” tenna l-Ministru Byron Camilleri.

Sport