Wednesday, April 24, 2024

Imnedija l-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjonali għall-Kura Paljattiva

Aqra wkoll

“Meta x-xjenza ma tippermettilniex li nfejqu pazjent, ma jfissirx li nwaqqfu l-kura, anzi, hemm jibda d-dover tagħna li noffru kura paljattiva sabiex ngħinu lill-pazjenti jgħixu l-aħħar fażi ta’ ħajjithom b’mod iżjed komdu”, qal id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt il-pubblikazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Kura Paljattiva 2023-2033 għal konsultazzjoni pubblika.

Waqt konferenza organizzata għall-kliniċi u għall-għaqdiet li jaħdmu qrib il-pazjenti, id-deputat prim ministru spjega li l-istrateġija, li hija l-ewwel tax-xorti tagħha, tindirizza l-kura paljattiva f’ambjent ta’ istituzzjoni, fil-komunità u fid-dar privata tal-pazjent. “Persuna li tagħżel li tgħix l-aħħar fażi ta’ ħajjitha d-dar m’għandhiex tinkwieta li qed tirċievi inqas kura paljattiva milli kieku qiegħda rikoverata l-isptar jew il-Hospice,” fisser id-Deputat Prim Ministru Fearne, li spjega li l-istrateġija tisħaq fuq is-servizz ta’ timijiet multidixxiplinarji fil-komunità li joffru l-istess kura lill-pazjenti li tingħata l-isptar.

Id-deputat prim ministru tkellem ukoll dwar il-familjari tal-pazjenti, li ħafna drabi joffru l-ikbar sors ta’ sostenn għal qrabathom, u qal li dawn għandhom jingħataw it-taħriġ u l-appoġġ kollu neċessarju mit-timijiet multidixxiplinarji. Huwa spjega li l-istrateġija titkellem ukoll dwar it-taħriġ ta’ professjonisti li jaħdmu f’oqsma differenti tas-settur tas-saħħa, sabiex dawn ukoll ikunu f’pożizzjoni li joffru l-għajnuna paljattiva lil hinn mill-iswali tal-kura paljattiva.

Irrefera għall-proġett ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern ta’ Malta, Hospice Malta u l-Kurja Maltija, li se twassal għall-ftuħ ta’ kumpless ġdid għall-kura paljattiva fix-xhur li ġejjin, li se jkun parti integrali mill-pjan tat-tisħiħ tal-kura paljattiva f’Malta. Il-gvern se jkun qed iżid sostanzjalment in-nefqa rikorrenti fis-sena għal dan il-qasam, hekk kif dan il-kumpless se joffri sittax-il sodda ġdida. Dan filwaqt li l-awtoritajiet għas-saħħa se jipprovdu s-servizzi tal-ispeċjalisti u t-tobba u l-proviżjoni tal-mediċini neċessarji għall-pazjenti tal-kumpless.

Filwaqt li rringrazzja lit-tobba fi ħdan l-Uffiċċju tat-Tabib Ewlieni tal-Gvern li fasslu l-istrateġija, u lill-professjonisti li jaħdmu fil-qasam tal-kura paljattiva kif ukoll lill-għaqdiet volontarji li joffru appoġġ lill-pazjenti u lill-familjari tagħhom, ħeġġeġ lill-pubbliku jipparteċipa fil-konsultazzjoni permezz tas-sit https://deputyprimeminister.gov.mt/en/CMO/Documents/Palliative_Care_Strategy_2023_2033.pdf.

Sport