Wednesday, April 24, 2024

Arblu lokali li jieħdok f’direzzjonijiet ta’ pajjiżi differenti madwar id-dinja

Idea oriġinali li saret attrazzjoni ewlenija fil-Qawra

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Bejn arbli tad-dwal, dawk tas-sinjali tat-traffiku u oħrajn, ġibdilna l-attenzjoni arblu partikolari. Dan l-arblu jinsab fi Triq it-Turisti l-Qawra fuq bankina ħdejn ir-ristorant “Simply British”. Talk.mt tkellem ma’ sid dan il-ħanut, Kais Koubaa fejn sirna nafu li kien proprju huwa li ġie bl-idea oriġinali li jagħmel arblu b’sinjali li juru direzzjonijiet differenti. 

Li għandu partikolari dan l-arblu imma, huma proprju dawn is-sinjali li minflok juru direzzjonijiet lokali, dawn huma mmarkati b’pajjiżi differenti minn madwar id-dinja. Hekk kif jidher mir-ritratti, dan l-arblu juri ismijiet ta’ pajjiżi differenti u l-bnadar tagħhom fosthom dawk tas-Serbia, Franza, l-Eġittu, il-Kanada, il-Fillandja u Ganada. Hija din il-karatteristika li tagħmel dan l-arblu tassew uniku.

“Dan l-arblu sar wieħed mill-aqwa attrazzjonijiet f’Malta. Kważi kull min jgħaddi minn ħdejh, jieqfu biex jeħdulu ritratt”

Kais Koubaa

L-arblu ilu li sar erba’ snin u huwa kkonsidrat bħala waħda mill-akbar attrazzjonijiet fil-lokal jekk mhux f’Malta. Skont kif qal Koubaa, 99.9% tal-persuni li jgħaddu minn ħdejn dan l-arblu, jieqfu biex jeħdulu ritratt. 

“Jitolbuni biex ninkludi lil pajjiżhom ukoll”

“Dan l-arblu sar wieħed mill-aqwa attrazzjonijiet f’Malta,” qal kburi dan ir-raġel li vvintah. Mistoqsi jekk ġieli kellux lil xi ħadd li nnota li pajjiżu mhuwiex imniżżel fost il-pajjiżi fuq dan l-arblu, Koubaa kkonferma li iva fejn żied jgħid li, “pjuttost ikun hemm ħafna li anke jitolbuni biex ninkludi lil pajjiżhom ukoll”. 

Bi klijentela li fil-maġġorparti tagħha hija ċittadini Ewropej fosthom Ingliżi, Taljani u Pollakki, dan is-sid spjegalna li ilu aktar minn 12-il sena f’dan ix-xogħol u li huwa dejjem jipprova jkunu oriġinali u kreattiv. Fil-fatt, dan l-arblu kien waħda minn dawn l-ideat interessanti li effettivament ġew attwati u kisbu suċċess.

Sport