Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali nieda għall-konsultazzjoni pubblika l-White Paper dwar il-Politika Agrikola Nazzjonali għal Malta, dokument strateġiku li jistabbilixxi viżjoni fit-tul għall-iżvilupp tas-settur agrikolu Malti għall-perjodu 2027–2037.
Id-dokument jippreżenta qafas komprensiv ta’ riformi u azzjonijiet immirati biex jissaħħaħ is-settur agrikolu f’Malta, fosthom billi jindirizza l-limitazzjoni u l-frammentazzjoni tal-art agrikola, il-kontinwità ġenerazzjonali u l-bżonn ta’ aktar sostenibbiltà fl-użu tar-riżorsi naturali.
Il-White Paper tiffoka fuq sitt oqsma strateġiċi ewlenin: il-protezzjoni tal-art agrikola, id-differenzjazzjoni u l-professjonalizzazzjoni tas-settur, it-tiġdid ġenerazzjonali, ir-reżiljenza għall-ilma, l-enerġija u l-klima, orjentazzjoni aktar b’saħħitha lejn is-suq kif ukoll governanza u effiċjenza amministrattiva moderna u effettiva.
Il-Ministru Anton Refalo qal li l-agrikoltura f’Malta mhijiex biss settur ekonomiku, iżda parti fundamentali mill-identità u l-wirt nazzjonali. Huwa saħaq li minkejja l-isfidi, il-bdiewa Maltin u Għawdxin urew reżiljenza u impenn kontinwu, u għalhekk il-Gvern huwa kommess li joffri qafas ta’ politika ċar, ġust u sostenibbli li jħares il-futur tas-settur.
Il-Ministru Refalo enfasizza l-importanza tal-protezzjoni tal-art agrikola sabiex l-art tibqa’ tintuża għall-iskop oriġinali tagħha. Huwa żied li se jibqa’ jsir investiment fit-teknoloġija, fl-innovazzjoni u fl-aċċess aħjar għas-suq għall-prodotti lokali, filwaqt li jiġi appoġġjat ukoll id-dħul ġust għall-bdiewa.
Huwa saħaq ukoll li t-tiġdid ġenerazzjonali u l-attrazzjoni ta’ aktar żgħażagħ lejn is-settur huma essenzjali sabiex l-agrikoltura Maltija tibqa’ sostenibbli u vijabbli fuq medda twila ta’ snin.
Il-Ministru Refalo fetaħ ukoll uffiċjalment is-seminar dwar l-għodod u r-regolamenti għall-protezzjoni tal-art agrikola, avveniment li ra l-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti minn ħames Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. Is-seminar wera biċ-ċar li l-impenn ta’ pajjiżna biex jipproteġi l-art agrikola huwa allinjat ma’ għan komuni Ewropew, u li pajjiżna se jħares ukoll lejn l-aħjar prattiki tal-pajjiżi sħab sabiex jadotta strumenti effettivi li jiżguraw li l-art agrikola tibqa’ tintuża għall-għanijiet agrikoli tagħha u tibqa’ tiġi mħarsa għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-konsultazzjoni dwar il-White Paper se tibqa’ miftuħa għal seba’ ġimgħat, sabiex jingħata spazju għal kontribuzzjonijiet, proposti u feedback mill-bdiewa, esperti u l-partijiet interessati kollha. Dan sabiex il-politika finali tkun mibnija fuq ir-realtà u l-esperjenza tas-settur. Il-Ministeru jħeġġeġ lil kulħadd sabiex jipparteċipa b’mod attiv f’dan il-proċess, bil-għan li flimkien tinbena viżjoni nazzjonali b’saħħitha għall-futur tal-agrikoltura f’Malta.

