Friday, April 17, 2026

Se nkunu aktar ambizzjużi fil-manifest elettorali li jmiss

- il-Prim Ministru Robert Abela fl-għeluq tal-Kungress tal-PL

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Erba’ snin ilu fil-manifest elettorali Malta Flimkien konna ambizzjużi sew. Imma issa nemmen li wasal iż-żmien li nkunu aktar u aktar ambizzjużi. Dan kien Kungress li kkonferma li dan għadu l-partit ħaj u miftuħ għal kulħadd. Il-fabbrika tal-ideat. Issa x-xogħol importanti huwa dak li qed nagħmlu fuq il-manifest elettorali li jmiss.” 

Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’diskors li għamel fl-għeluq tal-Kungress tal-Partit Laburista bit-tema “Malta Aqwa – Ikteb il-kapitlu li jmiss.” 

Quddiem folla kbira li nġabret f’Ta’ Qali, il-Prim Ministru ħabbar kif l-ideat li tressqu min-nies se jkunu qegħdin jiġu inklużi fil-manifest elettorali li jmiss u kien proprju għalhekk li f’dan il-Kungress, il-Partit Laburista ħareġ bl-għajta biex in-nies jiktbu l-kapitlu li jmiss.

“Se jkun manifest miktub minnkom. Il-pass, il-qabża li jmiss għal pajjiżna li tkunu intom fiċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu. Għax nisimgħukom realment, dak li ħareġ minn dan il-Kungress se nwettquh,” tenna l-Prim Ministru. 

“Iva se nkomplu nkunu Gvern li jnaqqas il-piż tat-taxxi minn fuq il-familji u n-negozji.

“Iva se nkomplu nkunu Gvern li jifrex il-prosperità ekonomika ma’ kull rokna tal-gżejjer tagħna.

“Iva se nkomplu nkunu Gvern li jinvesti dejjem aktar fis-soċjal u li grazzi għall-għajnuna li nagħtu, uliedna jkunu fost l-aktar żgħażagħ Ewropej li jimxu ’l quddiem, u li jkunu sidien ta’ darhom.”

“Bqajna niġġeddu fil-ħsieb tagħna”

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li jinsab kburi u grat li f’dawn il-jiem reġgħu taw prova oħra li hu biss dan il-moviment li jibqa’ granzija ta’ ħajja aqwa għall-Maltin u l-Għawdxin kollha. 

“Bqajna niġġeddu fil-ħsieb tagħna. Bqajna fonti ta’ proposti li huma serji, kredibbli u fattibbli. Bqajna dedikati u mixgħula bil-grinta ta’ dejjem,” tenna l-Prim Ministru. 

Huwa qal li minkejja li sena wara l-oħra kellna naffrontaw sfida waħda dejjem akbar mill-oħra, xorta bqajna nħarsu ’l quddiem, iffukati biex nibqgħu niktbu l-paġna li jmiss tal-istorja ta’ dan il-ġens.

Dr Abela enfasizza wkoll li “aħna l-uniku Gvern li huwa t-tarka tal-familji u tan-negozji. Minħabba t-tmexxija għaqlija, bi ħsieb u mingħajr sparpaljar, f’Malta biss baqa’ kollox stabbli u sostenibbli. Dan għaliex rajna li nipproteġu lill-familji u lin-negozji permezz tal-politika proressiva ekonomika ta’ Gvern Laburista.”

“Aħna jiġri x’jiġri se nkunu hemm għalikom kollha. Il-war chest mimli aktar minn qatt qabel. Erġajna lesti biex kull maltempata negħlbuha flimkien.”

Dr Abela rrefera wkoll għal-laqgħa li saret il-Ġimgħa filgħodu mal-imsieħba soċjali, fejn ingħataw spjega ċara kif din l-isfida kbira sabitna preparati minn kull aspett biex “inkomplu nagħtu s-sussidji u biex nagħtu garanzija ċara u assoluta ta’ kontinwità ta’ provvista tal-gass, tal-petrol, tad-dijżil kif ukoll tal-fjuwil tal-ajruplani. Dan kuntrarju għal dak li qed jiġri f’pajjiżi oħra.”

Gvern li għandu kompetenza ekonomika

Il-Prim Ministru kompla jgħid li huwa dan il-Gvern li għandu l-kompetenza ekonomika, li jmexxi bis-sew il-finanzi tal-pajjiż. Huwa semma wkoll il-ħemel ta’ miżuri li daħħal Gvern Laburista fosthom iż-żidiet fil-pensjonijiet, iż-żieda fl-istipendji, l-għotjiet lill-first time buyers, it-tax cuts, u anke ċ-childcare b’xejn għal kulħadd.

Huwa żied jgħid li jifhem li meta tinvesti bis-saħħa fin-nies u n-negozji, l-ekonomija tikber u tagħtik lura ferm iktar minn dak li tkun investejt. Mingħajr dik il-garanzija ta’ tmexxija ekonomika kompetenti, xejn mhu possibbli.

“Dik il-garanzija ta’ tmexxija nistgħu nagħtuha aħna biss, bl-aqwa tim ekonomiku u bikom li tqumu ta’ kuljum tirsistu għall-familji tagħkom,” tenna l-Prim Ministru. 

Huwa fakkar kif f’dawn l-aħħar erba’ snin twettqu aktar minn 80% tal-proposti tal-manifest elettorali Malta Flimkien u magħhom żdiedu oħrajn li ma kinux fil-manifest fosthom il-proġetti ta’ Manoel Island u l-White Rocks.

“Kungress li kien l-aqwa garanzija li kellu bżonn il-poplu Għawdxi u Malti”

Dr Abela temm id-diskors tiegħu billi qal li jemmen li dan il-Kungress kien l-aqwa garanzija li kellu bżonn il-poplu Għawdxi u Malti. “Se nwettqu l-Viżjoni Malta 2050 – magħqudin flimkien wara dan il-pjan u strateġija tant importanti għal ġensna.

“Malta l-ewwel u qabel kollox. Dak li wettaqna hu biss il-bidu. Magħna tafu fejn qegħdin u magħna tafu fejn sejrin. Malta ċertezza u stabbiltà. Malta ġusta. Pajjiż ta’ kwalità, ekonomija b’saħħitha, futur għal uliedna. Lejn prosperità ġdida. Malta Aqwa. Flimkien niktbu l-kapitlu li jmiss,” temm jgħid il-Prim Ministru. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport