Sunday, December 22, 2024

Imnedija sessjonijiet ta’ testijiet tas-smigħ b’xejn fiż-Żurrieq, Ħaż-Żebbuġ u l-Birgu

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli flimkien mal-Ewro-Parlamentari Alex Agius Saliba nedew it-tieni proġett ta’ sessjonijiet ta’ testijiet tas-smigħ b’xejn bl-isem ta’ Hearing Care for All.

Din l-inizjattiva se tkun qed issir għat-tieni sena konsekuttiva, wara li matul l-ewwel sessjonijiet resqu ’l quddiem aktar minn 500 persuna. B’riżultat ta’ hekk, pajjiżna se jkollu kampjun akbar ta’ persuni li resqu ’l quddiem biex jagħmlu test tas-smigħ u għalhekk se jkollna idea aktar ċara tas-sitwazzjoni f’pajjiżna.

Kien imħabbar li s-sessjonijiet tat-testijiet tas-smigħ se jkunu qegħdin isiru fil-lokalitajiet taż-Żurrieq, Ħaż-Żebbuġ u l-Birgu.

Matul ix-xahar li għadda, pajjiżna kien deskritt minn Patrick D’Haese, Koordinatur Internazzjonali tal-Hearing Health Forum, bħala mudell internazzjonali għar-rwol proattiv li ħa biex jgħin lill-pubbliku jilqa’ għat-telf tas-smigħ.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li l-impenn tal-Gvern huwa li niġġieldu l-esklużjoni soċjali f’’kull livell tas-soċjetà. Hija kompliet tgħid li inizjattivi proattivi bħalma huma dawn is-sessjonijiet huma xhieda ta’ dan l-impenn b’saħħtu.

Il-Ministru Farrugia Portelli sostniet li, minbarra li għat-tieni sena se jsiru dawn is-sessjonijiet, fix-xhur li ġejjin se tkun qed titnieda kampanja nazzjonali ta’ għarfien għall-poplu Malti. “Irridu nkomplu nkunu proattivi, biex mhux biss ngħinu lill-pubbliku jagħmel testijiet tas-smigħ b’xejn, iżda nżidu l-għarfien dwar kif wieħed jista’ jipprevjeni t-telf tas-smigħ, b’hekk inkunu wkoll qegħdin niġġieldu l-esklużjoni soċjali,” enfasizzat il-Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba, li huwa wkoll iċ-Chair tal-Forum għas-Saħħa tas-Smigħ fil-Parlament Ewropew, sostna li wara s-suċċess tal-ewwel sessjonijiet li saru matul is-sena li għaddiet u li permezz tagħhom għall-ewwel darba nġabret statistika importanti, kien essenzjali li għal sena oħra jerġgħu jagħtu din l-opportunità lil aktar Maltin u Għawdxin sabiex anke nipprevjenu telf tas-smigħ.

“Nemmen li s-saħħa tas-smigħ hija element importanti ħafna fis-sistema tas-saħħa tagħna u hemm bżonn li nkomplu nqajmu aktar għarfien dwar dan. Bħala Chair tal-Forum għas-Saħħa tas-Smigħ fil-Parlament Ewropew, nieħu gost nara li bħala pajjiż qed inkunu minn ta’ quddiem f’dawn l-inizjattivi li permezz tagħhom ikollna ħajja aktar sana,” sostna s-Sur Agius Saliba.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Awdjoloġisti Dr Andrew Sciberras  qal li, “Wara s-suċċess tal-ewwel sessjonijiet tal-proġett pilota tat-testijiet tas-smigħ, se norganizzaw tliet sessjonijiet oħra fl-aħħar ta’ Settembru u matul ix-xahar ta’ Ottubru. Dan se jippermettilna nżidu sett ieħor ta’ data mad-database eżistenti tagħna sabiex ikollna informazzjoni preċiża dwar is-sitwazzjoni ta’ nuqqas tas-smigħ f’Malta bbażata fuq is-severità, is-sess, l-età u l-lokalità.”

It-testijiet tas-smigħ se jkunu qed isiru permezz ta’ appuntament bejn it-8:00 a.m. u s-1:00 p.m., nhar is-Sibt, 24 ta’ Settembru fiż-Żurrieq, fil-binja tal-Kunsill Lokali; f’Ħaż-Żebbuġ nhar is-Sibt, 1 ta’ Ottubru (7, Sqaq Numru 1, Misraħ I-Isptar) u fil-Birgu nhar is-Sibt, 22 ta’ Ottubru, fil-binja tal-Kunsill Lokali.

Il-pubbliku jista’ jibbukkja appuntament għal test tas-smigħ b’xejn billi jaghmel kuntatt fuq 25903474 jew 25903475.

Preżenti għat-tnedija kien hemm is-Segretarju Permanenti Nancy Caruana.

Ekonomija

Sport