Sunday, November 3, 2024

Imnedija t-tieni edizzjoni tal-Animal Honours Awards

Aqra wkoll

Għat-tieni sena konsekuttiva, fil-Jum Dinji tal-Annimali ser tiġi organizzata l-Malta Animal Honours Awards. Dan l-avveniment li ser jittella’ fl-4 ta’ Ottubru, ser iservi bħala opportunità sabiex jiġu ċċelebrati l-annimali kif ukoll jiġu rikonoxxuti dawk il-persuni li ta’ kuljum jiddedikaw ħajjithom għall-ħarsien tal-annimali.

Din l-attività qed tiġi organizzata mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali u mis-Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Anton Refalo nnota li l-edizzjoni tas-sena l-oħra kienet ta’ suċċess u l-gvern espona l-ħidma ta’ bosta voluntiera filwaqt li fakkar ukoll l-imħabba li l-annimali domestiċi jagħtu lill-bniedem. Huwa sostna kemm hu importanti x-xogħol ta’ kull individwu fil-qasam tal-ħarsien tal-annimali u kemm dawn il-premjijiet huma biss simbolu żgħir ta’ ringrazzjament għax-xogħol siewi ta’ kulħadd.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li “Dawn il-premjijiet huma rikonoxximent għax-xogħol siewi li jagħmlu b’dedikazzjoni kbira l-voluntiera, il-veterinarji, l-edukaturi, il-bdiewa, ir-raħħala, fost l-oħrajn.” Tenniet li “Hija responsabbiltà ta’ dan il-gvern li mhux biss nippremjaw din il-ħidma, iżda li nibqgħu nappoġġaw lil dan is-settur. Dan kollu huwa rifless b’inizjattivi u bi proġetti li għandna għaddejja bħalissa mid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali”.

Il-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali Alison Bezzina qalet li “Din is-sena, għalkemm xorta waħda ser nirrikonoxxu l-pożittiv tal-annimali u l-ħidma ta’ ħafna permezz ta’ dawn l-awards, l-attività ta’ fejn ser jiġu preżentati l-premjijiet ser tkun waħda simbolika, attività li ser tirrikjedi ftit li xejn riżorsi. B’hekk il-flus ikunu jistgħu jintużaw direttament biex jiġu megħjuna iżjed annimali u biex l-infrastruttura tad-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali tkompli titjieb. B’dan il-mod, xorta ser nirrikonoxxu l-pożittiv fid-dinja tal-annimali, inkomplu niġġeneraw aktar djalogu soċjali u nqajmu aktar għarfien fuq is-sitwazzjoni tal-annimali f’pajjiżna”.

Għal din l-edizzjoni daħlu ’l fuq minn 450 nominazzjoni mill-pubbliku. Minn dawn ingħażlu tliet nominazzjonijiet minn kull kategorija permezz ta’ ġurija indipendenti, bil-għan li jkun hemm l-ikbar rappreżentazzjoni ugwali u wiesgħa tas-setturi.

Il-pubbliku se jkollu l-opportunità li jivvota bejn il-25 ta’ Awwissu u t-8 ta’ Settembru li ġej fuq is-sit https://agrikoltura.gov.mt/en/honorsawards/Pages/home.aspx.

Sport