Saturday, December 21, 2024

Imnedija uffiċjalment il-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar tal-Ewropa 2023

Aqra wkoll

Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal- Ewropa, l-avveniment li jseħħ kull sentejn, ser ikun qed jirritorna Malta fl-2023, 20 sena wara li kien l-aħħar ospitat fi gżiritna.

Dan tħabbar uffiċjalment mill- Ministeru għall-Edukazzjoni u Sport, il-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta it-tnejn wara nofsinhar fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.

It-tnedija laqgħet diversi atleti Maltin li kisbu midalji fl-edizzjonijiet tal-1993 u tal-2003. Jingħaqdu mal-avveniment b’mod virtwali kienu l-Presidenti u Chefs de Mission tal-istati membri tal-GSSE.

Il-GSSE jinkludu sitt tipi ta’ dixxiplini sportivi individwali u żewġ dixxiplini li jintlagħbu bħala tim. Kull kumitat organizzattiv jista’ jżid massimu ta’ żewġ dixxiplini Olimpiċi oħra jew sport Olimpiku wieħed u sport ieħor li ma jaqax taħt il-Logħob Olimpiku.

Il-president tal-Kumitat Olim­piku Malti u ċ-Chairperson tal-Logħob, Julian Pace Bonello, spje­ga li l-preparamenti għal din il-bonanza sportiva għaddejjin sew. Huwa qal:

“Il-Kumitat Olimpiku Malti ilu jaħdem aktar mill-qrib mal-Fede­razzjonijiet involuti, biex jiżgura li jingħata l-appoġġ meħtieġ u li t-tħejjijiet jimxu bl-aktar mod mingħajr xkiel possibbli. 

“Nittamaw li dawn il-Logħob jagħmlu lill-pajjiż kburi, kemm fil-mod kif se jkunu organizzati kif ukoll bir-riżultati miksuba. Wieħed jispera li dawn il-Logħob iservu wkoll biex jispiraw lill-atleti futuri biex ikomplu jaħdmu għall-għanijiet tagħhom.”

Fl-2023, Malta se tkun qed tippreżenta programm sportiv li jinkludi Atletika, Basketball, Għawm, Ibburdjar, Judo, Rugby 7’s, Sparar, Squash, Table Tennis, Tennis.

“Il-Kumitat Olimpiku Malti, SportMalta u l-Ministeru tal-Edukazzjoni u Sport qed jaħdmu f’sinerġija perfetta lejn dan l-avveniment. 

“Intgħażel kumitat organizzat­tiv lokali u minbarra esperti fl-isport, hemm esperti f’diversi oqsma li jassiguraw li l-Logħob ikun suċċess. Fix-xhur li ġejjin se ninvolvu ruħna mal-pubbliku ġene­rali biex il-Logħob mhux biss ikun għall-atleti u l-uffiċjali iżda għas-soċjetà i nġenerali,” irrimarka Mark Cutajar, Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-GSSE.

Il-Kumitat Olimpiku Malti ħabbar ukoll li dalwaqt se jkun qed  iniedi kompetizzjoni għall-di­sinn ta’ Mascot u Logo tal-Logħob. Il-kompetizzjoni titlob għad-disinn ta’ logo u mascot li se jintużaw bħala parti integrali tal-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar tal-Ewropa.

L-attività ngħalqet mill-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport, Clifton Grima li qal li “Il-Gvern huwa tassew kburi li jappoġġja lill-Kumitat Olimpiku Malti f’dawn il-Logħob. 

“Investejna kemm fl-infrastruttura biex inżidu n-numru ta’ postijiet ta’ livell għoli, iżda għall-ew­wel darba investejna wkoll fir-riżorsi umani. €5 miljun ġew mgħoddija lil SportMalta biex jiġi ffaċilitat it-taħriġ tal-atleti, l-involviment ta’ coaches professjonali u l-entourage sportiv tagħhom,” temm jgħid l-Onorevoli Grima billi qal li jistenna bil-ħerqa li jidħol f’diskussjonijiet mal-kollegi tiegħu fi ħdan it-tmien pajjiżi l-oħra biex l-isport fi stati żgħar jibqa’ jiffjorixxi.

Il-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar tal-Ewropa se jsir bejn it-28 ta’ Mej­ju u t-3 ta’ Ġunju 2023.

Il-Logħob tal-Pajjizi ż-Żgħar tal-Ewropa (GSSE) huma avveniment li jseħħ kull sentejn. Dawn il-Logħob ġew maħluqa wara inizjattiva tal-Kumitat Olimpiku Malti fl-1985. L-għan kien li jseħħ avve­niment magħmul minn sport differenti, immirat għall-pajjiżi Ewropej li għandhom inqas minn miljun abitant.

L-edizzjoni inawgurali saret fl-1985 f’San Marino u laqgħet atleti minn Andorra, Ċipru, l-Iżlanda, Liechtenstein, Lussemburgu, Malta, Monaco, u San Marino. Fl-2009 il-Montenegro ingħaqdet bħala d-disa’ membru.

Fl-1993, il-ħames edizzjoni tal-Logħob ġew ospitati f’Malta. Dik is-sena l-atleti Maltin irnexxielhom jirbħu 32 midalja. It-tieni darba li Malta ospitat l-Logħob kienet fl-2003 u l-ammont ta’ midalji żdied għal 44. Mill-bidu tal-Logħob, intrebħu 331 midalja minn atleti Maltin.

Ekonomija

Sport